Edukazzjoni Knisja Lokali

“Tkunux kompliċi tal-bullying” – Mons. Charles J. Scicluna

L-Arċisqof iwassal messaġġ fil-bidu tas-sena skolastika

“Fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida nixtieq insellem u nawgura lill-istudenti kollha. Nawguralkom biex fix-xogħol tagħkom l-ewwel nett turu għaqal, intelliġenza, paċenzja, imma fl-istess ħin turu spirtu ta’ solidarjetà bejnietkom.”

Hekk stqarr l-Arċisqof Charles Scicluna f’messaġġ lill-istudenti hekk kif din il-ġimgħa tibda sena skolastika ġdida.

Mons. Scicluna appella lill-istudenti biex jikbru fil-ħbiberija ta’ bejniethom; “ħudu ħsieb li s-sigħat tal-lezzjonijiet ikunu mument ta’ formazzjoni fejn tikbru fl-għaqal, fl-għerf, imma wkoll fir-rispett lejn xulxin, anke fir-rispett lejn l-għalliema tagħkom.”

L-Arċisqof wassal ukoll messaġġ qawwi kontra l-bullying. “Ħudu ħsieb xulxin. Jekk ikun hemm xi ħadd vittma tal-bullying, importanti li inti tieqaf biex tiddefendih. Qatt tkun kompliċi ta’ inġustizzja!”

Dwar l-edukaturi, Mons. Scicluna sostna li dawn jieħu ħsieb lit-tfal mhux biss għax imħallas jew għandhom xi karriera, imma għax flimkien mat-tfal qed jipprovaw jagħtu servizz lil pajjiżna.