Minkejja li fadal sitt tiġrijiet għal tmiem l-istaġun, teżisti stennija biex Renault u Daniel Ricciardo jaħdmu flimkien wara li l-Awstraljan iffirma kuntratt ta’ sentejn fis-sajf li għadda.
L-erba’ darbiet Champion tad-Dinja Alain Prost li hu konsulent speċjali ta’ Renault, jinsab ottimist li jaħdem ma’ Ricciardo fejn jemmen li l-Awstraljan jista’ jilgħab parti kruċjali biex jagħmel lil Renault kompetittivi għal darba oħra.
“Ovvjament l-ewwel ħaġa li jista’ jġib fit-tim hi l-kwalità tiegħu. Hu sewwieq li rebaħ tiġrijiet u kien kompetittiv fl-aħħar ftit snin. Għandu personalità li hu importanti għal dan it-tim u ġej ukoll minn tim rebbieħ.”
Prost qal li bħala sewwieq veteran ikun jista’ jara li meta sewwieq ikun f’tim tajjeb jew medju jkun hemm differenzi żgħar li jistgħu jagħmlu d-differenza. Hu żied li Ricciardo jista’ jgħin u jemmen li jridu jingħaqdu biex jerġgħu jagħmlu lit-tim fost l-aqwa.
Il-Franċiż li għandu 63 sena faħħar lil Daniel Ricciardo fejn qal li jmur tajjeb man-nies fil-Formula 1 u barra mill-isport. “Għalija hu wieħed mill-aqwa sewwieqa biex jaqbeż in-nies. Hu veru kompetittiv. Ħafna drabi kellu aktar punti minn sħabu, bħal Max Verstappen li hu kkunsidrat wieħed mill-aqwa.”
“F’tim bħal Renault, hu tim kbir b’fabbrika kbira. Il-familja ta’ Renault għandha storja twila fil-Formula 1 imma hi kumpanija kbira. Irid ikollok ambjent tajjeb u hu veru diffiċli biex tissapporti l-pressjoni. Irid ikollok żewġ sewwieqa tajbin jaħdmu flimkien mingħajr problemi u ninsab ċert li b’Daniel u Nico se jkun tim tajjeb,” qal Prost.
//= $special ?>