Edukazzjoni Lokali

“Awguri lill-istudenti u l-għalliema li qed jibdew is-sena skolastika tagħhom” – PN

Nuqqas t'ippjanar serju fis-settur tal-edukazzjoni qed joħloq pressjoni fuq l-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti

Il-Partit Nazzjonalista jawgura kull suċċess lil madwar 60,000 student u studenta li qed jirritornaw lura l-iskola għal sena skolastika ġdida fl-istess waqt li jirringrazzja lill-għalliema li ta’ kuljum jagħmlu ħilithom kollha sabiex jagħtu l-aqwa edukazzjoni lill-uliedna. Formazzjoni tajba għal uliedna hija ċ-ċavetta tas-suċċess għalihom u għal pajjiżna.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, u l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, Clyde Puli fi stqarrija qal, li ma’ jistax ma’ jirrimarkax kif il-Gvern mhux jippjana tajjeb u mhux jilħaq il-miri tiegħu stess fis-settur edukattiv. Il-Gvern falla fil-miri tiegħu li jibni skola ġdida kull sena, fl-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha, fil-proviżjoni ta’ apparat bħal-laboratorji, fl-iskejjel f’ammont ta’ għalliema biżżejjed biex jaqdu tajjeb l-bżonnijiet ta’ kulħadd, fil-problemi li qed jaffaċċjaw l-għalliema tal-Malti u l-Matematika li spiċċaw b’workloadkbir u fir-riżultati tas-Sec u l-Matsec tal-istudenti tagħna.

Fl-istess waqt il-Gvern qed ikompli jiddemotiva lill-għalliema b’nuqqas ta’ kundizzjonijiet tajbin, nuqqas ta’ sigurtà fl-iskejjel u biż-żieda fil-burokrazija anke biex jagħmlu fotokopji ta’ materjal meħtieġ għat-tagħlim. Il-Gvern ma’ jistax jibqa’ jwaħħal f’ħaddieħor għan-nuqqasijiet tiegħu iżda jista’ biss iwaħħal fih innifsu, fin-nuqqas ta’ ippjanar tajjeb tiegħu u fit-tnikkir tiegħu fl-implimentazzjoni.