Grupp ta’ volontiera Maltin għadhom kemm irritorna minn Bar Elias fil-Libanu fejn kienu qed iwettqu ħidma ma’ tfal Sirjani li qed jgħixu fil-kampijiet tul il–fruntiera bejn is-Sirja u l-bliet Lebaniżi.
Ħafna minn dawn ir-refuġjati li ġejjin minn Hama, Homs, Aleppo u lokalitajiet oħrajn Sirjani, ilhom jgħixu f’kampijiet għal dawn l-aħħar seba’ snin minn meta bdiet il–gwerra qerrieda fis-Sirja.
L-istejjer ta` dawn ir-refuġjati hi ta` qsim il-qalb. Il-Maltin li marru f’dan il-vjaġġ ta’ volontarjat stqarrew illi fil-maġġoranza tal-każi, issib ħafna minnhom li tilfu l-għeżież tagħhom waqt il-ġlied ma’ jaqta’ xejn.
Hatma, omm ta’ 35 sena spiċċat armla wara li ir-raġel tagħha ġie mirdum taħt it-terrapin waqt li oħrajn għaddew minn ġrajjiet simili, u issa spiċċaw li jridu jrabbu lit-tfal tagħhom b’ħafna diffikultajiet f`kundizzjonijiet ferm ħżiena.
Il-grupp tal-Maltin kien magħmul minn edukaturi, bankiera, infermieri u amministraturi li ġew milqugħa minn dawn l-individwi madwar diversi kampijiet bħal Dibo Camp, Oumarija u Ghazza. Dawn ġabru t-tfal li ħafna minnhom ma jmorrux skola sabiex jgħaddulom taħriġ neċessarju.
Ġie organizzat loghob, tagħlim, tisjir u anki knitting għal dawk interessati. L-imħabba li biha ġew milqugħa l-volontiera kienet waħda impressjonanti u għalkemm dawn ibagħtu hafna għandhom qalbhom kbira u mimlijja tama ta` ġejjieni aħjar.
Il-Maltin kienu fil-Libanu bejn 10-21 ta` Settembru.
//= $special ?>