F’xena simili għad-Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin fil-Lejl tal-Milied, il-parruċċani tas-Swatar is-Sibt filgħaxija laqgħu fosthom il-Vara Titulari ġdida ta’ San Ġorġ Preca, xogħol fl-injam tal-Kav. Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi. Dan propju fis-sena li l-Parroċċa ddeddikata lill-ewwel qaddis Malti qiegħda tfakkar l-10 sena mit-twaqqif tagħha. Mal-wasla, saret purċissjoni bis-sehem tat-tfal taż-żewġ oqsma tal-Mużew tas-Swatar u l-Banda Sant’ Antnin ta’ Birkirkara.
NET News segwa x-xogħol fuq din il-vara matul din is-sena fil-bottega tal-artisti fil-Fgura. Il-Kav. Alfred Camilleri Cauchi, li ħadem bosta statwi ta’ San Ġorġ Preca, stqarr magħna li din kienet l-ewwel kummissjoni tiegħu għal ġo Knisja. Il-proċess beda billi nħadem buzzett biex ġie approvat mill-Kummissjoni Arti Sagra, liema buzzett intlaqa’ ferm mill-poplu tas-Swatar. Ix-xogħol fil-bottega b’kollox ħa madwar 12-il xahar, hekk kif l-isfida għaż-2 artisti kienet ikbar peress li l-Vara magħmula fl-injam:
“Dan għandek zokk jew injama u dejjem tiżmarra fih. Il-materjal ta’ San Ġorġ huwa injam Afrikan magħruf bħala “Cajun”. L-injam nagħżluh iebes apposta ħabba s-susa. Taf int mhux nużgħu injam bħal ta’ barra għal ċerti affarijiet. Ħalli z-zokk jiġi minn barra imma inniżluh apposta…..L-ewwel nagħmlu l-grandiment billi nagħmluh bil-ħadid, qisha biċċa arti moderna. Imbagħad nagħmlu t-tafal biex jekk ikun hemm xi ħaġa li fuq għajnejja ma narahiex sewwa, inkun nista’ nikkoreġieha. Għax minn hemm taqbad tiżmarra, biex kemm jista’ jkun peress li hu titular, iddaħħal l-istudju kollha kif titlob din is-sengħa klassika.”
Il-bambin li ħadmu ż-2 artisti, li tqiegħed f’idejn San Ġorġ Preca mill-Arċisqof Charles Scicluna, għandu rabta sinifikanti għall-familja Camilleri Cauchi:
“Il-Bambin li ntuża fl-ewwel purċissjoni tal-Bambin fil-lejl tal-Milied tal-1921 kien ħadmu missieri, Wistin Camilleri. Huwa kien ħadem tliet forom tal-bambin lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali t’Għawdex, li wieħed minnhom kien spiċċa l-Belt għand il-Patrijiet ta’ Putirjal biex eventwalment intuża minn Dun Ġorġ. Mur għidli li kelli nirrepeti kopja tiegħu l-Bambin li ħareġ l-ewwel darba fil-Purċissjoni tal-Mużew għall-ewwel Vara Titulari ta’ Dun Ġorġ.”
Il-vara tħallset mill-benefattur, Leli Vella, li nzertajnieh f’waħda miż-żjarat fl-istess bottega u fakkar magħna xi memorji li kellu tal-ewwel qaddis Malti:
“Kont għadni tfal immurr il-Mużew u kien jiġi l-Imsida kull nhar ta’ Erbgħa. Minn daqshekk kien jagħti xi tletin u li kien jibqa’, jerġa’ jdaħħal fil-but. Kien jgħaddi ukoll minn quddiemna kuljum peress li kien immurr mill-Imsida għall-Ħamrun minn Triq Misraħ il-Barrieri ngħidulha t-triq. Ma kienx ifalli ġurnata, kuljum kont narah tiela’ minn hemm.”
Il-Kappillan tal-Parroċċa, il-Kan. Robert Grech, temm jitkellem magħna dwar is-sinifikat ta’ din l-ewwel Vara Titulari għan-nies tas-Swatar:
“Għan-nies tas-Swatar, din il-Vara tfisser biex ngħidu hekk parti mill-identità tagħhom. In-nies huma kuntenti ħafna li għandhom din il-Vara Titulari u għenithom ukoll sabiex jirriflettu aktar fuq il-persuna ta’ San Ġorġ. Meta n-nies tas-Swatar iħarsu lejn San Ġorġ, jiftakru li Dun Ġorġ Preca uriehom li l-Iben t’Alla sar Bniedem, li Alla huwa Magħna, l-Għemmanuel, li jimxi magħna anki fil-ħajja Nisranija tagħna u ma tbiegħedx mill-umanità imma sar bniedem bħalna biex jifdina.”
//= $special ?>