Il-kult ta’ Santa Katarina ta’ Lixxandra huwa b’saħħtu ħafna fin-nofsinhar tal-gżejjer Maltin fost l-oħrajn, partikolarment b’2 parroċċi ddedikati lilha fiż-Żurrieq u f’Città Beland, iż-Żejtun. Dan il-kult intgħażel bħala tema għall-wirja reliġjuża li tittella’ kull sena mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina taż-Żejtun għal Żejt iż-Żejtun fi tmiem il-ġimgħa li ġejja fl-Oratorju tas-Sagrament, biswit il-Knisja Arċipretali.
Paul Zammit, wieħed mill-organizzaturi,, elabora aktar dwar x’wieħed jistenna mill-wirja “Prudens et Vigilans, Virgo Catharina”:
“Wieħed jista’ jsib ħafna affarijiet fuq din il-qaddisa, minn statwi, inċiżjonijiet sa santi, minn diversi pajjiżi madwar id-dinja. Diversi huma l-artisti u l-inċiżjonisti li għamlu dan ix-xogħol fuq il-ħajja tagħha bħall-għerusija, id-diskuta mal-filosofi u diversi suġġetti oħra marbuta mal-qaddisa.”
Fost l-esebiti li jispikkaw naraw 2 minjaturi tal-Vari Titulari taż-Żurrieq, xogħol il-Kan. Ġużepp Portelli, u u taż-Żejtun, xogħol Nazzarenu Gauci, magħruf bħala d-Disma, u minjatura fil-kartapesta ta’ Santa Katarina min Lecce b’kolonna skulturata fl-injam.
Kollezzjoni partikolari esebita hija dik ta’ inċiżjonijiet ta’ Santa Katarina li jmorru lura sas-seklu 16, ħafna minnhom fuq pitturi ta’ Peter Paul Rubens. Ma jonqosx ukoll xi xogħlijiet fir-rakkmu, fosthom bandalora rrakkmata bid-deheb b’Santa Katarina, xogħol tipiku Franċiż li minn wara jirrafigura lill-Kunċizzjoni.
Din il-wirja infetħet min-Nunzju Appostoliku, Allessandro D’Errico, l-Erbgħa filgħaxija u tibqa’ miftuħa sal-Ħadd filgħodu.
Intant, Zammit temm jitkellem dwar il-Purċissjoni bil-Vara Artistika ta’ San Mikiel fiż-Żejtun, li ħarġet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara nuqqas ta’ 35 sena:
“Din l-istatwa li hawn iż-Żejtun saret fl-1932 minn Wistin Camilleri, li għandu dixxendenza Żejtunija, hekk kif il-ġenituri tiegħu kienu miż-Żejtun. Camilleri kien jgħid li din waħda mill-isbaħ statwi li qatt għamel u kienet ħadet post oħra antika ħafna tal-injam li tinsab fil-mużew.”
Din il-Festa tittella’ mill-Fratellanza ta’ San Mikiel, li ħadmet mhux ftit biex irnexxielha ġġib il-permessi ekkleżjastiċi neċessarji biex reġgħet ħarġet il-Purċissjoni.
//= $special ?>