Ambjent Lokali

Jitlob inkjesta indipendenti fuq il-każ tal-membru tal-PA li inġiebet b’jet privat

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qed jitlob li tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar il-każ ta’ membru li tpoġġi fuq il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar illi inġiebet Malta b’ajruplan privat sabiex tivvota fuq l-applikazzjoni tal-proġett fuq l-art tal-ITS f’Pembroke.

Adrian Delia qal illi din l-istorja u l-fatti kif qed jirriżultaw iqajjmu diversi domandi.

Kollox beda meta lbieraħ ġie żvelat illi Jacqueline Gili, li vvotat favur dan il-proġett u li tokkupa l-kariga ta’ direttur fid-dipartiment tal-kuntratti, nġiebet Malta minn Sqallija fejn kienet vaganza abbord ajruplan privat fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu dakinhar tal-laqgħa. Saħansitra Gili daħlet tard għas-smiegħ tal-laqgħa.

Wara li vvutat favur dan il-proġett, dakinhar filgħaxija għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija hi ttieħdet lura Sqallija biex tkompli l-vaganza tagħha.

Kelliem għall-Awtorita’ tal-Ippjanar kkonferma l-istorja li oriġinat fis-sit elettroniku newsbook.com.mt. Madankollu ma twieġbux mistoqsijiet dwar kemm ġie jiswa l-vjaġġ u jekk fil-verita dan il-vjaġġ kienx neċessarju. Tant hu hekk li Gili kienet nieqsa minn 29 laqgħa minn 75 laqgħa li fihom ittieħed xi tip ta’ vot dwar xi żvilupp.

Il-proġett kien approvat b’għaxar voti favur u erba’ kontra. Fost dawk li vvotaw kontra kien hemm id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.

Fid-dawl ta’ kif żviluppaw il-fatti, Adrian Delia qal illi hu meħtieġ issir inkjesta indipendenti sabiex jitwieġbu d-domandi li qed iqumu u naraw jekk din kinitx l-ewwel darba li intuża jet privat u jekk iva, għaliex.