Il-gowlkiper Jordan Pickford iffirma kuntratt ġdid ta’ sitt snin ma’ Everton. L-Ingliż ta’ 24 sena ngħaqad mingħand Sunderland fis-sajf tas-sena l-oħra għal kważi €35 miljun. Fl-ewwel staġun mat-Toffees hu ma sofriex gowl għaxar darbiet fil-Premier League.
Dan wassal biex Pickford kien l-għażla naturali tal-kowċ Gareth Southgate fit-Tazza tad-Dinja li għaddiet fir-Russja. Hu kellu prestazzjonijiet pożittiv hekk kif l-Ingilterra waslet sas-semifinali. Fosthom hu spikka meta salva l-penalty ta’ Carlos Bacca kontra l-Kolombja biex l-Ingilterra għaddiet mal-aħħar tmienja.
F’kummenti li għadda fuq l-istazzjon tal-klabb, Pickord qal li meta ngħaqad ma’ Everton is-sena l-oħra ħass li kien se jkun il-pass ġust fil-karriera tiegħu. Hu qal li lagħab mat-tim nazzjonali Ingliż grazzi għal Everton minħabba l-prestazzjonijiet li kellu.
Hu qal li kien ispirat mill-partitarji determinati ta’ Everton biex ikollu prestazzjonijiet pożittivi, u saħaq li jrid jilgħab kemm jista’ jkun logħob mal-klabb. It-tieni għan tiegħu hu li jaħdem kemm jista’ biex iżomm postu regolari mat-tim nazzjonali Ingliż.
//= $special ?>