Juventus u Napoli preparaw bl-aħjar mod qabel il-konfront ta’ bejniethom is-Sibt li ġej b’rebħiet faċli f’darhom fuq Bologna u Parma rispettivament. Roma kisbu l-ewwel rebħa mill-ewwel ġurnata tal-kampjonat meta għelbu lil Frosinone biex huma wkoll rebħu qabel id-derby kontra Lazio. Il-Biancocelesti għelbu lil Udinese barra minn darhom.
BERGAMO – Atalanta u Torino naqsu li jirritornaw għar-rebħ wara draw ta’ mingħajr gowls fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia. B’hekk Atalanta għadhom ma rebħux mill-ewwel logħba li fiha kienu għelbu lil Frosinone, filwaqt li Torino ilhom ma jirbħu mit-2 ta’ Settembru kontra Spal.
CAGLIARI – Għat-tieni partita konsekuttiva, Sampdoria naqsu li jirbħu u jiskorjaw meta spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Cagliari. B’hekk huma nqabżu mill-ġirien Genoa, filwaqt li Cagliari naqsu li jitilgħu f’nofs il-klassifika hekk kif ilhom tliet logħbiet bla rebħa.
GENOVA – Tasal it-tielet rebħa ta’ Genoa li ħallew lil Chievo fil-qiegħ tal-klassifika. KRZYSZTOF PIATEK kompla l-bidu pożittiv tiegħu fil-kampjonat meta skorja l-gowl tal-vantaġġ fit-42 minuta biex GORAN PANDEV irdoppja l-iskor fl-54 minuta.
TURIN – Juventus preparaw bl-aħjar mod possibbli għal kontra Napoli b’rebħa ta’ 2-0 fuq Bologna li biha baqgħu b’punti massimi. Huma skorjaw żewġ gowls kmieni u kkontrollaw mingħajr problemi. Juventus minn fuq wara 12-il minuta meta xutt ta’ Blase Matuidi ġie salvat parzjalment, bil-ballun jispiċċa għand PAULO DYBALA li skorja b’konklużjoni għar-rokna. BLASE MATUIDI rdoppja ħames minuti wara meta rċieva kross fil-baxx ta’ Cristiano Ronaldo u skorja mill-viċin.
NAPLI – Napoli kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva din id-darba meta għelbu lil Parma 3-0. Napoli kellhom bidu tajjeb u fetħu l-iskor wara erba’ minuti meta Arkiadiusz Milik krossja fil-baxx għan-nofs, il-ballun kien blokkat parzjalment minn Simone Iacoponi u spiċċa għand LORENZO INSIGNE li skorja mill-viċin. It-tim ta’ Ancelotti reġa’ kellu ftuħ tajjeb fit-tieni taqsima, bl-iskor isir 2-0 meta din id-darba Insigne għadda lejn ARKIADIUSZ MILIK li avvanza u għeleb lil Sepe b’xutt minn tarf il-kaxxa. L-istess ARKIADIUSZ MILIK għamilhom tlieta fl-84 minuta meta kompla għal ġewwa wara kross fil-baxx ta’ Verdi.
RUMA – Roma rritornaw għar-rebħ wara li għelbu faċilment lil Frosinone 3-0. CENGIZ UNDER fetaħ l-iskor wara żewġ minuti b’xutt minn barra l-kaxxa. Roma rduppjaw fit-28 minuta meta Davide Santon krossja mil-lemin lejn JAVIER PASTORE li għeleb lil Sportiello b’konklużjoni bit-takkuna għar-rokna. It-tim ta’ Di Francesco għalaq il-logħba fil-35 minuta meta Under għadda mil-lemin u krossja għan-nofs lejn STEPHAN EL SHAARAWY li ma kellux problema jiskorja f’lasta vojta. Aleksandar Kolarov skorja r-raba’ gowl fis-87 minuta.
UDINE – Lazio kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fis-Serie A meta għelbu lil Udinese 2-1 fid-Dacia Arena. Huma fetħu l-iskor fil-61 minuta meta Simone Scuffet blokka parzjalment il-free-kick ta’ Luis Alberto, bil-ballun jispiċċa għand FRANCESCO ACERBI li skorja mill-ewwel. Lazio rduppjaw ħames minuti wara b’azzjoni personali ta’ JOAQUIN CORREA li għeleb lil Scuffet b’xutt fil-baxx. Udinese daħlu fil-logħba fit-80 minuta b’ġest akrobatiku ta’ BRAM NUYTINCK li ħabat ma’ Milan Badelj u daħal fix-xibka. Udinese għafsu fl-aħħar minuti biex iġibu d-draw iżda ma sabux ix-xibka.
//= $special ?>