Sport Sport Ieħor

Rekord nazzjonali għal Yazmin Zammit Stevens u titjib għal Rodmar Pulis fil-Kampjonat tad-Dinja tal-Università

Yazmin Zammit Stevens u Rodmar Pulis spiċċaw fis-seba’ u l-ħames post rispettivament fil-Kampjonat tad-Dinja tal-Università li saru fi Biala Podlaska fil-Polonja. Din kienet l-ewwel sena li l-Malta Weightlifting Association ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni annwali organizzata mill-FISU u l-IWF.

Zammit Stevens li hi gradwata fil-kors tal-Matematika u l-Istatistika kkompetiet fil-kategorija -69kg, u Rodmar Pulis li għadu kemm gradwa fl-Edukazzjoni Fiżika ħa sehem fil-kategorija -85kg.

Yazmin Zammit Stevens ħadet sehem fi Grupp A. Hi rnexxielha tagħmel it-tliet refgħat ta’ 79kg, 82kg u 84kg fis-snatch, bl-aħħar waħda tkun rekord nazzjonali. Hi spiċċat fis-seba’ post.

Fil-clean and jerk hi spiċċat fil-ħames post meta pruvat tagħlaq b’attentat rekord ta’ 106kg li falliet bi ftit. Dan wara li għamlet b’suċċess ir-refgħa tal-100kg u l-102kg.

Dawn ir-riżultati wasslu biex Zammit Stevens spiċċat fis-sitt post minn 17-il atleta, fejn għaddiet atleti miċ-China Taipei, l-Awstralja, Spanja, id-Danimarka, il-Polonja, il-Greċja, is-Slovakkja u l-Iżvizzera.

Dan il-Kampjonat kien parti mill-preparazzjoni għall-Kampjonat tad-Dinja li se jsir f’Novembru. Dan se jservi bħala l-ewwel kompetizzjoni ta’ kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi ta’ Tokyo.

Għal Rodmar Pulis dan il-Kampjonat kien importanti għalih biex jerġa’ jikseb il-kunfidenza wara li rritorna fid-dixxiplina aktar kmieni din is-sena. Għalih din kienet l-ewwel kompetizzjoni prestiġjuża mill-Kampjonati Ewropej li saru f’Forde fl-2016.

Dakinhar hu kien weġġa’ spalltu wara li prova refgħa ta’ 145kg li wassal biex tilef iċ-ċans li jikkompeti fl-Olimpjadi ta’ Rio.

Hu reġa’ beda jżid f’din il-kompetizzjoni u spiċċa b’refgħa ta’ 109kg fis-snatch wara li falla għal ftit it-tentattiv ta’ 111kg. Fil-clean and jerk għalaq b’refgħa ta’ 145kg, l-istess tentattiv li bih kien weġġa’ sentejn ilu.

Dan ir-riżultat wassal għal total ta’ 254kg li bih spiċċa fis-seba’ post, u spiċċa bi 8kg aktar mill-aħjar tiegħu din is-sena li għamlu fil-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Weightlifting fl-Iżlanda.

It-tragward li jmiss għal Pulis hu li jtejjeb ir-riżultati tiegħu biex jerġa’ jirbaħ il-Kampjonat Nazzjonali f’Diċembru li ġej.

L-impenji għall-atleti Maltin ikomplu fix-xhur li ġejjin. Il-ġimgħa li ġejja, Tristan Zammit, Tenishia Thornton u Shelby Mangio Vassallo se jkunu qed jipparteċipaw f’kamp ta’ taħriġ  f’Valencia, taħt id-direzzjoni ta’ Owen u Kurt Camilleri.

F’Ottubru Shelby Mangion Vassallo se tieħu sehem fl-Olimpjadi taż-Żgħażagħ fl-Arġentina u ftit wara, Tenishia Thornton, Shaun Ciantar u Roberta Tabone se jkunu fl-azzjoni fl-Iżvizzera. F’Novembru, Zammit Stevens se tieħu sehem fil-Kampjonat tad-Dinja fit-Turkmenistan.