Lokali

RITRATTI: Il-baħar qawwi jagħmel ħerba mid-dgħajjes u jgħarraq diversi toroq

Raġel Ċilen salvat f'baħar imqalleb fil-Qaliet, San Ġiljan

Il-baħar qawwi li qed jaħkem lil pajjiżna, fl-aħħar sigħat għamel ħerba madwar gżirietna b’numru ta’ dgħajjes li sfortunatament qatgħu l-irbit tagħhom u spiċċaw mgħarrqa jew jitfarrku mal-blat.

Net News irċieva sensiela ta’ ritratti li juru ħsarat maġġuri f’diversi opri tal-baħar madwar Malta u Għawdex, b’inħawi fejn l-ilma baħar saħansitra tela’ l-art, b’mod speċjali f’Tas-Sliema.

Intant, raġel Ċilen ġie salvat f’baħar imqalleb matul il-lejl mit-Tlieta għall-Erbgħa minn ħelikopter tal-Forzi Armati fl-inħawi tal-ponta tal-Qaliet, San Ġiljan. Dan wara li l-Pulizija, membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u 2 laneċ tal-Forza Armati sabu diffikultà jsalvaw ir-raġel li nstema’ jgħajjat għall-għajnuna wara li waqa’ l-baħar. Ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei. Huwa tniżżel fil-park & ride ta’ Pembroke u ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn hemm ġie ċċertifikat li ma kellu ebda ġrieħi.

Dan filwaqt li l-Bajja tal-Balluta mill-ġdid sfat vittma tal-maltemp. Wara li ħalba xita l-ġimgħa li għaddiet wasslet biex spiċċat mimlija passaġġi tal-ilma li niżel mit-triq, issa l-baħar qawwi kompla jkaxkar ir-ramel fil-baħar biex din qed tirritorna lura għal-livell li kienet qabel sar proġett tal-Gvern li sewa’ iktar minn €100,000 ftit ġimgħat ilu.

Sadattant, bi prekawzjoni, numru ta’ cruise liners għażlu li ma jidħlux fil-Port il-Kbir minħabba l-baħar imqalleb. Sitwazzjoni li mhux biss affettwat is-settur turistiku ta’ pajjiżna imma wkoll Maltin li kellhom jibdew jew itemmu ġiti f’pajjiżna abbord dawn il-bastimenti u li minflok kellhom jaqbdu titjira lejn bliet oħra jew jirriturnaw lura Malta bl-ajru minn xi port ieħor.

Is-sitwazzjoni mistennija tippersisti, bl-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi li r-riħ mill-Grigal ser jkun qawwi f’xi waqtiet fuq il-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-10 ta’ filgħaxija (26/2200 Ħin Lokali) u tistgħa tiġi mġedda kif meħtieġ.

Sadattant is-sezzjoni tas-salvataġġ fil-baħar fi ħdan l-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) qed twissi lill-għawwiema kollha dwar kundizzjonijiet perikolużi minħabba baħar qawwi f’żoni tal-għawm.

TWISSIJA: Baħar qawwi se jiddomina ż-żoni tal-għawm matul il-ġurnata