Lokali

Tibda sena skolastika ġdida: Tnaqqis ta’ 827 student mis-sena li għaddiet

Hekk kif illum bdiet sena skolastika ġdida, it-total ta’ studenti fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex sa qabel il-livell post sekondarju naqas għal 55,530. Dan ifisser tnaqqis ta’ 827 student, hekk kif is-sena li għaddiet in-numru ta’ studenti kien ta’ 56,357.

Iċ-ċifri uffiċjali għal din is-sena juru li n-numru ta’ studenti li se jattendu l-kindergarten huwa ta’ 8,731, dak tal-primarja 25,860 waqt li dak ta’ skejjel medji u sekondarji 20,939 student.

Jekk wieħed iżid ukoll l-istudenti f’livell post sekondarju, li jlaħħaq it-3,691, it-total ta’ studenti għal din is-sena jkun ta’ 59,221 student fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex.

Ta’ min jinnota li fost l-ikbar tnaqqis reġistrat hemm dak fl-istudenti li se jibdew l-iskola fil-livell tal-kindergarten, bi tnaqqis ta’ 651 student mid-9,382 li bdew il-kindergarten is-sena li għaddiet. It-tnaqqis f’livell ta’ primarja kien ta’ 313-il student waqt li f’livell sekondarju l-istudenti naqsu b’137 student.

Fl-istess waqt in-numru ta’ edukaturi li se jkunu qed jagħtu kontribut fil-qasam akkademiku madwar l-iskejjel kollha huwa ta’ 10,366, li 5,574 minnhom huma għalliema, 3,528 learning support assistants (LSAs), u 709 kindergarten assistants.

Fil-bidu tas-sena skolastika 2017, iċ-ċifra ta’ edukaturi kienet ta’ aktar minn 9,600 edukatur fil-proċess edukattiv ta’ dawn l-istudenti, li wkoll ma kinitx tinkludi dawk f’livell post sekondarju.

Dakinhar il-Gvern kien ħabbar li l-ammont jiżdied b’madwar 600 jekk wieħed jgħodd ukoll l-edukaturi f’livell post sekondarju u entitajiet oħra, inkluż dawk volontarji.