Lokali

Ugwaljanza bejn il-ġeneru għal tkabbir ekonomiku

“L-edukazzjoni u l-empowerment huma ċ-ċavetta sabiex jingħelbu l-inugwaljanzi tal-ġeneru”

Dan kien kliem il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt diskussjoni parti mill-Concordia Annual Summit li fiha qed jiġu diskussi diversi kwistjonijiet realtati mal-inugwaljanzi tal-ġeneru.

Il-President ta’ Malta qalet li pajjiżna m’għandux biss ibiddel il-liġijiet iżda wkoll jiġu implimentati b’mod effetiv. Rigward is-sitwazzjoni f’Malta, skont riċerka li saret kien innutat li d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri hija agħar meta n-nisa jkollhom xogħol ta’ kwalità għolja.

Il-President saħqet li minħabba nuqqasijiet ta’ diversi pajjiżi, dawk li qed jaħdmu id f’id qed jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi huma wkoll. Qalet li dawn il-pajjiżi qed jitilfu f’termini ta’ ġid, ta’ tkabbir ekonomiku u tal-progress soċjali tagħna.

Hi tat importanza għall-fatt li kieku “in-nisa u l-irġiel ikunu ugwali, it-tkabbir ekonomiku globali jiżdied b’$160 triljun”. Żiedet tgħid li jekk jibdew jittieħdu azzjonijiet rigward din il-kwistjoni, ikunu qed iwasslu għal pajjiżi bi żvilupp sostenibbli, b’mod speċjali jispiċċa l-faqar.

Il-President ta’ Malta appellat lin-nisa biex jingħaqdu flimkien b’determinazzjoni biex jgħelbu s-sitwazzjoni li pajjiżi madwar id-dinja qiegħdin jaffaċjaw.