Il-Pulizija fis-Slovakkja wettqu diversi rejds marbuta mal-qtil, seba’ xhur ilu, tal-ġurnalist investigativ Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová. Dan il-qtil kien wassal għar-riżenja tal-Gvern.
Sorsi fis-Slovakkja qalu li waqt dawn ir-rejds kienu wkoll arrestati xi persuni.
L-avukat għall-familja ta’ Kuciak ikkonferma li kien hemm xi nies miżmuma mill-Pulizija u jidher li kien hemm evidenza biżżejjed biex dawn jinżammu taħt arrest.
Skont il-midja lokali hemm seba’ persuni miżmumin mill-Pulizija. Il-Pulizija Slovakka sa tard ilbieraħ kull ma kienet qed tgħid kien xejn ħlief li wettqet diversi rejds u li arrestat xi persuni b’ rabta ma’ reat vjolenti, imma mingħajr ma tspeċifikat il-każ.
Kuciak, fost l-affarijiet, kien investiga każi ta’ frodi u korruzzjoni minn negozjanti b’rabtiet mal-politiċi Slovakki. Huwa kien ukoll qed jinvestiga kif il-Mafja Taljana kienet infiltrat id-dinja kummerċjali u politika fis-Slovakkja.
Kuciak u l-għarusa tiegħu kienu nstabu mejtin minn tiri ta’ arma tan-nar fid-dar tagħhom barra l-kapitali, Bratislava, fi Frar ta’ din is-sena. Iż-żewġ vittmi kellhom 27 sena.


