Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE: Se jintroduċu l-VAR mill-istaġun 2019-20

Is-sistema tal-VAR – jew Video assistant referees – se tibda tintuża għal-logħob taċ-Champions League mill-istaġun 2019-20.

Dan qalitu l-UEFA li, fost oħrajn, ikkonfermat li l-VAR se jintuża wkoll għas-Super Cup tal-2019 u fl-Euro 2020 – kif ukoll fl-Europa League, sa mill-2020-21, u fil-finali tan-Nations League tal-2021.

Is-sistema, li ntużat b’suċċess waqt il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, tippermetti lir-referi biex jirrevedi filmati ta’ mumenti u azzjonijiet sinifikanti ( u d-deċiżjonijiet relatati) waqt il-logħob.

Intant, il-President Aleksander Ceferin qal li ‘il-UEFA hi fiduċjuża li jkollha ż-żmien biex idaħħal sistema robusta tal-VAR’. Hu kompla li se jkun hemm żmien biżżejjed għal taħriġ xieraq lill-uffiċjali tal-logħba ‘biex dawn, ‘il quddiem, jaċċertaw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-VAR għaċ-Champions League, li hu l-akbar tournament tal-futbol għall-klabbs tal-Ewropa’.

Is-sistema tal-VAR kienet suġġetta għal skrutinju partikulari, dan is-sajf, waqt il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja u fejn kienet strumentali għall-konvalidazzjoni ta’ diversi gowls u penalties. Il-VAR għen ukoll fid-deċiżjonijiet dwar tkeċċijiet ta’ plejers minbarra li jnaqqas mill-potenzjal li plejer jeħel karta intortament waqt il-logħob.

L-A-League tal-Awstralja kien l-ewwel kampjonat ewlieni ta’ pajjiż li qatt uża l-VAR, fl-2017, bl-eżempju, imbagħad, ikun segwit mill-Major League Soccer tal-Amerika.