Lokali Turiżmu

DIŻAPPUNT GĦAD-DILETTANTI: L-ewwel sena mingħajr l-Airshow Internazzjonali ta’ Malta

"Il-Gvern ma għamel xejn biex isalva dan l-avveniment annwali"

L-aħħar weekend ta’ Settembru dejjem kien sinonimu mal-Airshow – din is-sena, fost diżappunt kbir mid-dilettanti tal-ajruplani, l-Airshow mhux se jsir. U għal ħafna nies, tmiem il-ġimgħa se jkun vojt mingħajr dan l-avveniment annwali.

Kien f’Jannar meta s-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni (li hi l-organizzatur) ħabbret li l-Airshow Internazzjonali ta’ din is-sena mhux se jsir. Dan wara li t-talbiet ripetuti li saru lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi ġew injorati.

L-organizzaturi dejjem ħarsu lejn l-Airshow bħala opportunita’ edukattiva għaliex kienet l-uniku avveniment li fih, żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu fis-settur, setgħu jiltaqgħu ma’ piloti u crew ta’ kalibru kbir. Fl-Airshow kont issib ekwipaġġi tal-militar, timijiet akkrobatiċi, protezzjoni civili, AFM imma anke piloti kummerċjali ta’ livell għoli.

Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni kienet diżappuntata li, minkejja 25 sena ta’ spettaklu rikonoxxut lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali, il-Gvern ma ħassx lanqas li kien jistħoqqilha rikonoxximent, risposta jew inkella stedina għad-diskussjonijiet mal-Ministru responsabbli mit-turimu u l-avjazzjoni, Konrad Mizzi.

“Il-Gvern ma għamel xejn biex isalva dan l-avveniment annwali” sostna magħna wieħed mid-dilettanti tal-Airshow.

Il-vojt li ħalla l-Airshow kien wieħed kbir, u affetwa ukoll il-lukandi li normalment f’dan il-perijodu kienu jilqgħu għexieren ta’ piloti u crew barranin.