“L-Afrika għandha bżonn investiment sostenibbli tagħna li jkun onest u ġenwin – investiment li jassigura tkabbir reċiproku u prosperità.”
Dan kien kliem il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca hekk kif kienet waħda mill-kelliema ewlenin waqt laqgħa dwar it-tisħiħ ta’ sħubijiet globali għat- Tielet Deċennju għal Żvilupp Industrijali tal-Afrika, laqgħat li ġiet organizzata mill-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tal-Ġnus Magħquda (UNIDO).
Matul id-diskors tagħha, hi tkelmet mill-esperjenza tagħha waqt delegazzjonijiet kummerċjali f’pajjiżi Afrikani, fejn qalet li dawn il-pajjiżi, kemm awtoritajiet u mis-settur kummerċjali lesti li jikkollaboraw. Dan biex ikun hemm tkabbir tal-pajjiżi Afrikani flimkien mal-potenzjal uman tan-nies Afrikani.
Il-President ta’ Malta saħqet li l-viżjoni li għandhom għall-kontinent Afrikan kapaċi tkun implimentata effettivament, permezz ta’ ambjent kummerċjali, governanza tajba, framework leġiżlattiv u regolamentazzjoni. Dan kollu għandu jwassal għal protezzjoni għal konsumatur u ċertezza legali.
Il-President ta’ Malta żiedet tgħid li hemm bżonn li tingħata importanza għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà filwaqt li qalet li l-ebda pajjiż ma jista’ jimxi ‘l quddiem jekk ma jkunx hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Hi temmen li l-Afrika kapaċi tagħti l-aħjar kwalità ta’ ħajja liċ-ċittadini tal-pajjiż, speċjalment liż-żgħażagħ.
Spiċċat tgħid li l-impatt m’għandux ikun biss pożittiv għal pajjiżi Afrikani, iżda se jitgawda mill-umanità kollha.
//= $special ?>
