Għawdex Lokali

“Il-Kunsill Lokali tal-Qala seta’ tilef €57,000”

Fil-Qala llum ġie approvat proġett ġdid ta’ Reverse Osmosis; proġett importanti għal Għawdex u għall-lokalità għax permezz tiegħu, l-istess Kunsill Lokali ngħata € 57,000 għal Planning Gain.

Dawn il-flus li se jkunu qed jingħaddu lill-Kunsill Lokali biex jintużaw għal proġetti soċjali fil-lokalità ma kinux jingħaddu li kieku ma kienx hemm preżenti għal-laqgħa li matulha ġie approvat il-proġett, il-Membru Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli, kif spjegat hi stess meta tkellmet ma’ dan il-ġurnal.

Marthese Portelli spjegat li waqt li kienet qed tiġi evalwata l-applikazzjoni, indunat li l-planning gain, oriġinarjament ma kinitx inkluża u kien ġie propost ammont ta’ €10,000. Min-naħa tagħha, bħala rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord, irsistiet u qajmet il-punti legali kollha neċessarji biex il-planning gain tela’ għal €57,000.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista sostniet kif dan hu eżempju ċar ta’ kif il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni xorta qed jaghħel differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Hi temmet tgħid li temmen li jekk inkomplu naħdmu flimkien, inkomplu nibnu soċjetà li jimpurtaha – il-politiku flimkien mal-poplu.