Lokali

Jinħarġu ċertifikati tal-VRT mingħajr ma jsir test

Transport Malta għalqet stazzjon tal-VRT hekk kif irċiviet rapport li qed jikser il-liġi.

Ir-rapport daħal ix-xahar li għadda u wara investigazzjoni li saret instab numru ta’ nuqqasijiet serji. Dawn huma li nħarġu 13-il ċertifikat mingħajr ma sar it-test, inħarġu sitt ċertifikati għal vetturi li m’għaddewx mit-test, u nħarġu ħames ċertifikati oħra għal vetturi li m’għamlux it-test kollu.

Minħabba dan kollu, Transport Malta neħħiet il-liċenzja ta’ dan l-istazzjon tal-VRT, neħħiet il-liċenzja tal-persuna li tagħmel it-testijiet fih, u ħarġet multa amministrattiva ta’ €11,000 lill-operatur.

L-operatur tal-istazzjon jista’ jappella quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, iżda l-istazzjon ser jibqa’ magħluq sakemm it-tribunal ma jiddeċidix mod ieħor.

Il-vetturi li nstab li ġabu ċertifikat b’mod illeċitu ser jissejħu biex jerġgħu jagħmlu t-test tal-VRT.