Ir-riħ fil-gżejjer Maltin tqawwa aktar u laħaq qawwa ta’ Forza 8, bit-temperaturi jinżlu taħt l-20 grad għall-ewwel darba dan ix-xahar.
L-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija li r-riħ qawwi mill-Grieg it-Tramuntana ser ikun qawwi f’xi waqtiet fuq il-gżejjer Maltin … twissija valida sal-Ħamis fil-11 ta’ filgħaxija.
Uħud injoraw twissija simili li ħarġet il-Pulizija kmieni l-Erbgħa, partikolarment indirizzata għas-sewwieqa sabiex jevitaw iż-żona bħala l-Fossa fil-Belt Valletta, hekk kif xorta kien baqa’ karrozzi pparkjati għall-mewġ kbir li tela’ sa Triq il-Lanċa.
Fi żjara li għamilna tul il-kosta tal-Belt Valletta, innutajna l-ispettaklu ta’ mewġ kbir li offra l-baħar qawwi ġej mill-faċċata għal ġol-Port ta’ Marsamxett u l-Port il-Kbir, b’bosta jkunu l-Maltin u l-barranin li ammiraw dan l-ispettaklu u ġbidu diversi ritratti.
Rapporti oħra li daħlulna qalu li s-sitwazzjoni f’Marsaskala, ix-Xemxija u l-Port ta’ San Ġiljan kienet saħansitra agħar, bil-baħar jibla’ l-art tul il-kosta u jħalli ħafna ħmieġ fit-toroq bil-kurrent.
Għalkemm ir-riħ se jbatti xi ftit, ir-riħ se jibqa’ qawwi din id-darba mill-Majjistral u t-Tramuntana sa tmiem il-ġimgħa li ġejja.
//= $special ?>