Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma setax serva bħala avukat tal-Prim Ministru minħabba li dan imur kontra l-Kodiċi tal-Etika”. Stqarr dan il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler f’kummenti lill-ġurnal Times of Malta.
Hyzler insista li Owen Bonnici mhux avukat li jipprattika, imma Ministru. “Fil-fatt, avukati li tkellimt magħhom raw stramb il-kumment tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti meta stqarr li għadda kopja tal-inkjesta Egrant lill-Ministru tal-Ġustizzja bħala l-avukat tal-Prim Ministru”.
Dwar dan tkellem ukoll il-Kap tal-PN Adrian Delia fejn insista li d-dettalji ġodda li ħerġin juru kif Owen Bonnici aġixxa bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika. “Dan hu attakk ieħor fuq is-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna”, sostna Adrian Delia.
Jirriżulta illi numru ta’ avukati għandhom dubji serji fuq dak li qed jirriżulta u għaliex l-Avukat Ġenerali għadda kopja tal-inkjesta b’email lil Owen Bonnici.
L-Avukat Ġenerali Peter Grech għamel din l-istqarrija meta din il-ġimgħa kompliet tinstema’ l-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ kontrih il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Mistoqsijiet mibgħuta mit-Times lill-Ministru Owen Bonnici baqgħu mhux imwieġba.