Lokali

Mistoqsi dwar il-korruzzjoni

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ammetta li kull fejn imur barra minn Malta qed jiġi mistoqsi dwar il-korruzzjoni u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-baġit, Scicluna semma kif dawn il-mistoqsijiet mhux jiġu biss mill-Fond Monetarju Internazzjonali u aġenziji ta’ Credit Ratings iżda minn kulħadd, anke saħansitra meta kien f’taxi fl-Amerka t’Isfel.

Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru Scicluna fetaħ attakk kontra dawk li skont hu stqarrew allegazzjonijiet foloz biex ikissru r-reputazzjoni ta’ Malta, l-istess nies li skont hu jixtiequ jpinġu lil Malta bħala pajjiż mafjuż u bi kriminalità organizzata.

Is-sitwazzjoni f’pajjiżna tant hi nkwetanti li anke l-Parlament Ewropew ħass il-bżonn li jiġi f’pajjiżna għal iktar minn darba u jinvestiga dak li qed iseħħ.

L-iktar riċenti minn sensiela ta’ żjarat saret ftit tal-jiem ilu meta delegazzjoni tal-Parlament Ewropew waslet f’Malta biex tinvestiga s-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, b’mod partikolari wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-MEPs minn gruppi politiċi differentikellhom diversi laqgħat ma’ membri tal-Gvern, tal-Korp tal-Pulizija, membri tal-ġudikatura, ġurnalisti kif ukoll NGOs. B’mod speċifiku, l-MEPs iltaqgħu mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, ma’ rappreżentanti tal-FIAU, ma’ ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, ma’ attivisti, u mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fost l-oħrajn.

L-MEPs talbu biex ikollhom laqgħat ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi, iżda ż-żewġ laqgħat ma sarux bil-Ministru Mizzi qal li “m’għandux ħin” biex jiltaqa’ mal-Membri tal-Parlament Ewropew.