Kunsilli Lokali Lokali

“Nixtieq inkompli fejn ħalliet ommi” – Désirée Vella Brincat

Bint Evelyn Vella Brincat eletta kunsilliera minflokha

Bint Evelyn Vella Brincat, Désirée Vella Brincat, ħadet il-ġurament tal-ħatra ta’ kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta’ Pembroke kmieni l-Ħamis waranofsinhar, biex b’hekk imtella’ l-post battal wara l-mewt t’ommha fis-17 t’ Awwissu li ghadda.

Iċ-ċeremonja tal-gurament tal-hatra ippresedieha l-Kummissarju tal-Ġustizzja Ian Micallef fil-preżenta tas-Sindku u l-kunsilliera lokali ta’ Pembroke. Il-minority leader tal-Partit Nazzjonalista f’Pembroke, Charles Cesare, ressaq in-nomina ta’ Désirée Vella Brincat wara li ħadd ma tefa’ n-nomina għal-byelection biex b’hekk tiġi eletta u tkompli l-legat t’ommha.

Evelyn Vella Brincat kienet ukoll membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit, President tal-Kulleġġ Kandidati tal-PN u preżentatriċi fuq NET TV u NET FM.

Staqsejna lil Désirée xi tfisser għaliha din il-ħatra:

“Hija xi ħaġa mportanti ħafna għalija u xi ħaġa li kont ikkunsidrajt. F’dawn ix-xhur u s-snin li għaddew, kont nara lil ommi titkellem dwar il-Kunsill u x-xogħol importanti ħafna li kienu jagħmlu.”

Vella Brincat kompliet tisħaq fuq ix-xewqa li tkompli twassal il-memorja t’ommha billi tkun ta’ servizz għar-resident ta’ Pembroke:

“Peress li konna noqgħodu flimkien, kont nismagħha u insegwieha ħafna. Kellha interess kbir kif tafu fuq l-annimali, fl-ambjent u anki x’kien isir Pembroke stess. Nixtieq inkompli fejn ħalliet hi billi naħdem biex kemm jista’ jkun ikollna Pembroke aħjar.”

Désirée Vella Brincat għandha 30 sena. Hija bint Evelyn u Joseph Vella Brincat u fil-preżent, filwaqt li diġà tipprattika bħala fiżjoterapista, qiegħda ssegwi t-tieni kors Universitarju li jwassalha biex fl-2019 tiggradwa bħala tabiba.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista feraħ lil Désirée Vella Brincat għall-elezzjoni tagħha u qal li jinsab ċert li se tiddedika ħafna enerġija għall-ħidma favur il-lokalità ta’ Pembroke u r-residenti.

Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li se jibqa’ impenjat sabiex jara li l-Kunsillieri Lokali kollha tiegħu jagħtu l-aħjar ħidma possibbli għal-lokalità fejn huma eletti, u dan dejjem fl-aqwa interess tar-residenti.

Il-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista wkoll feraħ lil Désirée Vella Brincat permezz ta’ stqarrija u stqarr li jemmen li se sservi bl-istess xempju ta’ kurraġġ t’ommha viċin ir-residenti ta’ Pembroke b’entużjażmu u determinazzjoni.

Bħalma jagħmel ma kull Kunsillier ieħor, il-Kulleġġ wiegħed li se jkun spalla ma’ spalla flimkien ma’ Desiree, sabiex flimkien isemmgħu il-leħen tar-residenti.

Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia awgura lil Désirée Vella Brincat