Lokali

Storja xokkanti minn Monte Carmeli: Impjegata tinqafel taħt ‘constant watch’ ftit jiem wara argument ma’ superjur tagħha

L-istorja xokkanti ta’ nursing-aide li spiċċat committed bħala pazjenta fl-Isptar Monte Carmeli ġiet imfissra waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-GWU bħala sintomatika tas-sitwazzjoni mwiegħra f’dan l-istess Sptar.

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri spjega kif lejn l-aħħar ta’ Ġunju din il-persuna kellha argument ma’ superjur tagħha. Hi ntalbet tiskuża ruħha, xi ħaġa li l-impjegata għamlet. Ftit jiem wara dan l-inċident, il-management tal-Isptar bagħat għaliha u qalilha li minħabba tħassib dwar problemi psikjatriċi inżammet maqfula taħt constant watch fl-istess sptar fejn taħdem mal-kollegi u pazjenti.

Matul l-erbat ijiem li nżammet taħt constant watch ma ngħatat l-ebda mediċina u lanqas ma kienet riferuta għal għand psikjatra. Agħar minn hekk, minbarra li ġiet maqfula, l-istess mara ingħatat charge u se jittieħdu passi dixxiplinarji kontriha.

Jeremy Camilleri qal li dan l-episodju umilja u kisser lil din il-mara li ilha għal dawn l-aħħar tliet xhur fuq sick leave b’nofs paga. Sitwazzjoni li qed tpoġġi pressjoni fuq din il-familja li tiddependi mill-introjtu tagħha biss.

Kompla li wara din l-esperjenza trawmatika, il-mara spiċċat biex verament ġiet bżonn għajnuna psikoloġika u skont l-evalwazzjoni professjonali, ġie stabbilit li l-mara m’għandhiex problemi mentali u hi tajba għax-xogħol, basta ma tintbagħatx lura lejn Mount Carmel fejn seħħ dan it-trawma. Jeremy Camilleri kompla li l-union għamlet diversi appelli lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa sabiex il-mara tiġi trasferita lejn post ieħor fid-Diviżjoni tas-Saħħa bl-istess xogħol, paga u kundizzjonijiet iżda sa issa ma’ kien hemm ebda risposta. F’dan l-istadju, permezz ta’ din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-General Workers Union qed titlob l-intervent tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Il-każ jinsab ukoll għand il-Kummissarju dwar is-Saħħa Mentali li qed jinvestiga.

Fuq livell ġenerali dwar is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli, Jeremy Camilleri qal li l-GWU ilha minn Marzu li ħarġet direttivi sabiex care-workers impjegati ma’ kuntrattur privat ma jagħmlux xogħol ta’ superviżjoni marbuta ma’ Level 1 constant watch. Saħaq li dan mhux xogħolhom u lanqas huma kwalifikati li jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol.

Hu qal li kien hemm każi fejn care workers kienu qed jagħmlu xogħol ta’ occupational therapy, xi ħaġa li assolutament m’humiex kwalifikati li jagħmlu.