It-tennista Skoċċiż, Andy Murray, ikkwalifika għall-kwarti-finali tat-tournament ta’ Shenzhen Open, fiċ-Ċina, wara li għeleb lil David Goffin li hu s-seed numru ħdax fid-dinja.
Murray, li għandu 31 sena, wera ftit mill-forma antika tiegħu b’rebħa, 6-3 u 6-4 fuq it-top seed Belġjan u fir-rawnd li jmiss hu se jikkonfronta lil Taro Daniel jew lil Fernando Verdasco ( is-seed numru ħamsa) li, f’Awwissu, kien għeleb lill-istess tennista Skoċċiż fil-US Open.
Murray, li, illum, jinsab fit-311 il-post fir-rankings tad-dinja, irritorna fix-xena wara kważi sena wieqaf.
Ir-rebħa fuq Goffin, li għandu 27 sena, waslet wara siegħa u 35 minuta, u b’hekk Murray – għal tliet darbiet Grand Slam champion — irnexxielu anki jżomm ir-rekord perfett tar-rebħ kontra dan it-tennista Belġjan.
Andy Murray, fil-fatt, qed jilgħab is-sitt tournament tiegħu mindu kellu jgħaddi minn kirurġija f’ġenbu f’Jannar u mindu rritorna għall-ATP Tour, f’Ġunju.
It-tournament ta’ Shenzhen se jkun l-avveniment ta’ qabel l-aħħar għal Murray, bl-avveniment li jmiss fl-iskeda tat-tournaments se jkun iċ-China Open, li jsir ix-xahar id-dieħel, f’Beijing.
Sadanittant, Murray diġà qal li se jtemm l-istaġun kmieni, din is-sena, bil-għan li jkun ‘fl-aħjar forma fiżika possibbli’ għall-bidu tal-2019.