Il-UEFA ħabbret li l-attakkant Portugiż ta’ Juventus, Cristiano Ronaldo, se jkun sospiż għal logħba waħda biss fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League wara li hu kien intwera ħamra diretta fil-logħba ta’ ġimgħa ilu bejn iċ-Champions tal-Italja u Valencia, fil-Mestalla Stadium.
Ronaldo – għal ħames darbiet rebbieħ tal-ballon d’Or – kien tkeċċa bl-aktar mod kontroversjali wara konfront mad-difensur ta’ Valencia, Murillo; iżda Juventus xorta waħda rebħu dan il-konfront, 2-0, b’Miralem Pjanic jiskorja żewġ penalties.
Il-plejers l-oħra ta’ Juventus kienu ħadu t-tkeċċija bi kbira, b’Leonardo Bonucci jikkonferma ‘ir-rabja kbira ta’ Ronaldo wara l-logħba’, u bil-kowċ, Massimiliano Allegri jinsisti li ‘it-tkeċċija ma kienet issir qatt li kieku kien hemm is-sistema tal-VAR’.
Issa il-UEFA kkonfermat li Ronaldo mhux se jkun eliġibbli għal-logħba li jmiss minn dan il-grupp ma’ Young Boys tal-Iżvizzera. Madankollu, id-deċiżjoni tal-Bord Dixxiplinarju tal-UEFA ifisser li Ronaldo – eks-ikona ta’ Manchester United – se jirritorna għall-konfront mistenni ta’ Juventus mar-Red Devils li jintlagħab f’Old Trafford, fit-23 ta’ Ottubru.
Qabel id-deċiżjojni kien hemm il-possibbiltà li s-sospensjoni ta’ Ronaldo tkun estiża għal żewġ logħbiet u fejn hu, f’dan il-każ, kien jitlef żgur il-konfront mal-klabb Ingliż, li, bħal Juventus, huma favoriti li javvanzaw mill-grupp.
Ronaldo kien rebaħ iċ-Champions League ma’ Manchester United fl-istaġun 2007-08 u li kien l-ewwel suċċess tiegħu bħala plejer fuq dan il-livell. Intant, l-attakkant Portugiż, fl-aħħar snin, rebaħ l-istess kompetizzjoni erba’ darbiet ma’ Real Madrid, bl-aħħar rebħa tkun fil-finali ta’ Mejju li għadda fejn il-Los Blancos għelbu lil Liverpool, 3-1, fl-Ukrajna .
L-aħħar darba li Real Madrid ikkonfrontaw lil Manchester United fiċ-Champions League kienet fl-istaġun 2012-13, b’Ronaldo jiskorja fiż-żewġ legs biex jgħin lit-tim Spanjol jikkwalifika ( fuq aggregate ta’ 3-2) mir-round tal-aħħar sittax.
It-tieni logħba bejn Juventus u Manchester United fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni attwali se ssir f’Turin, fis-7 ta’ Novembru.
//= $special ?>