Foresta 2000 ngħatat dehra ġdida wara l-aktar mewġa riċenti ta’ vandaliżmu li seħħet is-sena li għaddiet, meta numru ta’ siġar taż-Żebbuġ ġew issegati. Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi intervjeniet u bis-saħħa ta’ donazzjoni finanzjarja, matul is-sajf saru numru ta’ xogħlijiet biex iz-zona tiġi mtejba.
Fost l-oħrajn twaħħlu bankijiet ġodda li issa qed jintużaw mit-tfal tal-iskejjel li jżuru l-post. Ġew installati wkoll numru ta’ information panels ġodda li jiggwidaw lill-viżitaturi fil-mixjiet tagħhom f’dan is-sit, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar il-flora u l-fawna li jinstabu f’dawn l-inħawi.
Il-Foresta 2000 tinsab fil-parti elevata li tħares fuq ir-Riserva Naturali tal-Għadira fil-Mellieħa. L-idea li welldet dan il-post tmur lura lejn l-1995 meta BirdLife Malta ħarġet bl-idea li l-bosk mitluq li kien jifforma din l-art jiġi restawrat u jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu.
Ray Vella, managing warden tar-Riserva Naturali Foresta 2000 jistqarr li l-aktar biċċa xogħol iebsa dak iż-żmien kien l-eżerċizzju ta’ tħawwil ta’ siġar, hekk kif kellhom jiġu mħawla 20,000 siġra u arbuxxell. Hu żied jgħid li s-sens ta’ diżappunt li jħossu kull meta jkollhom xi att vandalu ma joqgħodx ħdejn is-sigħat twal ta’ xogħol li għamlu biex illum irnexxiehom joħolqu foresta f’dawn linħawi.
L-att vandalu tas-sena l-oħra f’dan is-sit pubbliku kien daqqa ta’ ħarta għax-xogħol iebes kollu li sar tul is-snin. Il-masġar ta’ 36 siġra taż-Żebbuġ li ġew issegati b’serrieq tal-elettriku, kien ingħata b’donazzjoni minn Din l-Art Ħelwa u kien tħawwel tmien snin qabel.
L-inċident ta’ Ġunju 2017 kien ikkaġuna danni li hu stmat li jammontaw għal madwar €3,600 u kien attentat maħsub biex ifixkel il-ħidma kemm ta’ BirdLife Malta kif ukoll ta’ Din l-Art Ħelwa. B’xorti tajba, però, b’rispons għal dak li seħħ, numru ta’ individwi u organizzazzjonijiet offrew l-għajnuna tagħhom.
Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi impenjat ruħha li tgħin billi tappoġġja finanzjarjament numru ta’ xogħlijiet li kien meħtieġ li jsiru f’dan il-bosk uniku u mimli diversità. Chris Briffa, mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi stqarr li l-Fondazzjoni tagħhom hi dejjem aktar konxja tal-ħtieġa li jħarsu u anke jtejbu l-ambjent lokali. Il-Foresta 2000 hija ġawhra nazzjonali u jinsabu kuntenti ferm li kienu f’pożizzjoni li jassistu lil BirdLife Malta biex ittejjeb din ir-riserva.
//= $special ?>