ll-korsiji kollha tal-Marsa-Hamrun Bypass fid-direzzjoni mill-mini ta’ Santa Venera u l-Imrieħel lejn il-Marsa ser ikunu kompletament magħluqin il-ħin kollu matul il-ġurnata tas-Sibt 29 ta’ Settembru.
Dan hekk kif, matul il-ġurnata, se jibda jitqiegħed l-aħħar saffi ta’ asfalt ubiex b’hekk jiġi fi tmiemu proġett li beda aktar kmieni din is-sena f’din it-triq li hi fost l-iktar frekwentati f’pajjiżna.
Kawża ta’ dan, il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ sabiex juża rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Triq Diċembru 13) jew minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u Ħal Luqa, meta jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Qed ikun imwissi wkoll biex il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-mini ta’ Santa Venera (Triq Reġjonali) għandha tiġi evitata, peress li l-ħruġ lejn il-Marsa-Ħamrun Bypass ser ikun magħluq u dawk li joħorġu f’din id-direzzjoni ser jiġu mdawra lejn rotta alternattiva minn Ħal Qormi.
Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-Imrieħel Bypass, għandhom jużaw rotot alternattivi mill-Imsida jew minn Ħal Qormi wkoll, peress li l-konnessjoni għall-Marsa-Ħamrun Bypass ser tkun magħluqa.
Uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta ser ikunu fl-inħawi f’kull ħin sabiex jgħinu lil dawk li jkunu f’diffikultà.
Is-servizz ta’ rmonk t’emerġenza ta’ Transport Malta f’każ li xi vettura tieqaf f’dawn l-inħawi jew fir-rotot alternattivi ser ikun disponibbli matul il-ġurnata kollha wkoll.
Ix-xogħlijiet mistennija jibdew kmieni s-Sibt, fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Marsa-Ħamrun Bypass ser tingħalaq mill-ewwel, ħalli l-kuntratturi jkunu jistgħu jibdew iqiegħdu l-ewwel miż-żewġ saffi finali tal-asfalt f’wiċċ it-triq.
Dan il-proċess jinvolvi aktar minn 28 siegħa ta’ xogħol ta’ kisi u rrumblar ta’ asfalt biex jitgħatta l-wiċċ kollu ta’ din il-karreġġjata bi tliet korsiji. It-triq terġa’ tinfetaħ il-Ħadd filgħodu.
L-istess karreġġjata, minn Santa Venera lejn il-Masra, tingħalaq mill-ġdid it-Tlieta bil-lejl, bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija u l-ħamsa tal-għada filgħodu, sabiex tingħata l-kisja finali u jitlesta x-xogħol kollu f’din il-karreġġjata.
Xogħlijiet simili sabiex titlesta wkoll il-karreġġjata tat-tramuntana, fid-direzzjoni opposta, ser isiru aktar tard ix-xahar id-dieħel, bejn is-Sibt 13 u l-Erbgħa 17 ta’ Ottubru.