Lokali Qorti

Jinħeles mill-akkużi xufier tal-linja li f’inċident kisser il-faċċata taċ-ċimiterju ta’ Ħ’Attard

Xufier tal-linja li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-ewwel t’Awwissu tal-2012, inħeles mill-akkużi hekk kif jista’ jagħti l-każ li l-inċident seħħ minħabba problemi mekkaniċi fil-vettura.

Jesmond Sghendo, ta’ 48 sena mill-Imsida, kien qed jimmanuvra l-karozza tal-linja tal-kumpanija Arriva qrib iċ-ċimiterju ta’ Ħ’Attard meta minflok il-vettura baqgħet dieħla dritt f’arblu tad-dawl, telgħet il-bankina u niżżlet il-faċċata taċ-ċimiterju.

L-inċident wassal għal ħsara kbira li qabżżet l-ispiża ta’ €3,000 biċ-ċimiterju jdum xhur mingħajr faċċata. Dan minbarra li passiġġiera spiċċat feruta u kellha bżonn il-punti fuq moħħha. Mal-impatt, il-vittma ntilfet minn sensiha.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat innutat li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx mingħajr ħjiel ta’ dubju, li t-tort kien tax-xufier anke minħabba li lanqas biss sar eżami mekkaniku tal-vettura biex ikun żgurat li ma kienx hemm ħsara fil-vettura.