L-anniversarju tal-Indipendenza ta’ pajjiżna mill-ħakma Ingliża ta’ aktar minn 160 sena, kull darba jfakkarni fil-mibki Prim Ministru u Mexxej Nazzjonalista Nerik Mizzi, kemm għax kien l-ewwel politiku Malti li, 73 sena ilu, immedjatament wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kien beda jinsisti għall-indipendenza ta’ Malta, kif ukoll għax hu kien twieled proprju lejlet Jum l-Indipendenza, fl-20 ta’ Settembru ta’ 133 sena ilu.
Għalhekk tħajjart nikteb xi ħaġa dwar dan il-protagonist ewlieni tan-Nazzjonaliżmu Malti fost l-aktar, jekk mhux l-aktar wieħed li dam imexxi l-Moviment Nazzjonalista f’pajjiżna, kważi 25 sena mill-1926 sal-mewt tiegħu fl-1950, ftit xhur biss wara li kien laħaq Prim Ministru. Ironija u sfortuna mill-ikbar.
Kellimt, għalhekk, lill-editur tal-ġurnal, sieħbi Joe Cassar, dwar ix-xewqa tiegħi li dan l-artiklu jidher propju f’jum twelid Nerik Mizzi, fl-20 ta’ Settembru. Sfortunatament Joe qalli li bħalissa, bħal kull sena, il-ġurnal ikollu skarsezza ta’ spazju, minħabba l-attivitajiet tal-Indipendenza organizzati mill-PN. L-istess sfortuna tolqot lil Nerik fl-anniversarji tal-mewt tiegħu, fl-20 ta’ Diċembru – proprju fil-jiem ta’ ferħ tal-Milied, li allura jdellu, jeklissaw dak l-avveniment ta’ sogħba kbira fl-istorja ta’ pajjiżna u tal-PN.
Intant, qbilna li dan l-artiklu jidher illum u, minħabba t-tul tiegħu, ikompli għada.
Ma kellix ċans nirriċerka kemm xtaqt, għax hemm ħafna aktar milli se ssibu hawn x’jinkiteb dwar dak li, wara mewtu, avversarju politiku ewlieni tiegħu, Dom Mintoff, kien sejjaħlu “L-aqwa fost il-Maltin”.
Għalhekk hawn, bl-approvazzjoni tiegħu, qed nuża, bħala bażi, artiklu li kien kiteb fl-2001 Jean Pierre Debono, illum Koordinatur Politiku tal-PN.
L-ewwel snin
Nerik Mizzi twieled nhar l-20 ta’ Settembru 1885, fl-istess dar fejn għex l-ewwel snin ta’ ħajtu, fi Triq Zekka, il-Belt. Missieru Fortunato, kien l-aktar politiku importanti fl-istorja ta’ Malta tas-Seklu Dsatax u l-bidu tas-Seklu Għoxrin.
Għall-istudji sekondarji, missieru bagħtu s-Seminarju ta’ Għawdex. Huwa beda jistudja fl-Università ta’ Malta fl-1903. Ried ikompli jistudja l-Liġi. Kien irranġa biex imur jistudja Ruma fl-1906, u aktar tard f’Urbino. Hemmhekk kien attiv ħafna bħala ġurnalist u kien jikteb f’diversi ġurnali u rivisti. Kien jagħmilha ta’ korrispondent għal Malta. F’dak iż-żmien kien attiv ħafna wkoll fil-ħajja studenteska tal-Italja.
Meta ġie Malta, fl-1912, ħa l-warrant u beda jipprattika ta’ avukat. Iżda l-ħajja politika ftit li xejn ħallietlu ħin għall-karriera tiegħu. Tista’ tgħid li mill-1921 ’il quddiem ma pprattikax aktar ta’ avukat.
Bħala karattru kien ċajtier u jaf jieħu ċajta, speċjalment meta din kienet tikkonċerna lilu. Fl-istess ħin kien bniedem kalm u dejjem ħosbien. Kien jinkoraġġixxi ħafna liż-żgħażagħ, speċjalment lill-kittieba żgħażagħ. Dejjem kien isib il-ħin biex imur fiċ-Circolo Giovine Malta li kien waqqaf hu stess, u hemm jisma’ l-opinjoni tal-ħafna żgħażagħ li kienu jiffrekwentawh.
Huwa ħareġ l-ewwel darba għall-politika f’Novembru tal-1915 bħala kandidat għal Għawdex. Kien appoġġat mill-Comitato Patriottico u ġie elett b’maġġoranza tajba. F’dawk iż-żminijiet diffiċli kien jippreferi l-politika astenzjonista nazzjonalista, jiġifieri politika passiva u ta’ protesta.
Il-Qorti Marzjali tal-1917
Il-ħakkiema Ingliżi mill-ewwel għokrithom għajnejhom mill-impenn politiku tiegħu favur kostituzzjoni liberali. Indunaw li kien se jkollhom jiffaċċjaw politiku b’leħen għoli, u riedu jagħlqulu ħalqu mill-ewwel, qabel jikber iżżejjed. Fl-1917 Nerik kien ġie arrestat fir-residenza tiegħu u proċessat fil-Qorti Marzjali b’akkużi ta’ sedizzjoni. Il-mottiv kienu l-kitbiet u stqarrijiet tiegħu kontra l-Imperu Ingliż, u sentenza ta’ sena priġunerija b’xogħol iebes kienet inbidlet għal “ċensura ħarxa”, wara kundanni u protesti mill-poplu. Kien inżamm arrestat aktar minn tliet xhur fil-Barracks Militari ta’ Verdala. Nerik kiteb aktar tard li huwa safa’ arrestat fl-istess jum li l-ħaddiema tat-tarzna għamlu l-ewwel strajk tagħhom. Kien l-uniku politiku li tkellem u kiteb favur dak l-istrajk. Fil-fatt il-ħaddiema daħlu l-Belt ifittxuh, iżda hu kien diġà arrestat.
Meta żżewweġ lit-tifla tas-Surmast Paolino Vassallo, mar joqgħod fid-dar ta’ Triq San Ġwann, fejn baqa’ jgħix sakemm miet, u fejn illum hemm il-Fondazzjoni msemmija għalih u għal missieru Fortunato.
Kien dejjem nieqes mill-flus. Il-kampanji kienu jsiru bl-għajnuna tal-ħbieb. Żgur li l-familja ma kinetx tgħix li kieku martu ma kinetx tagħti l-lezzjonijiet tal-pjanu. Kellu kuraġġ kbir. Ma kienx jiddejjaq jekk isib xi folla ostili. Kemm-il darba l-pulizija jew ħbiebu talbuh joħroġ minn xi bieb tal-ġenb. Hu dejjem irrifjuta.
Fil-politika tiegħu kien influwenzat ħafna mill-ideat li kien għadda minnhom fl-Italja fil-bidu tas-seklu, meta kien student hemmhekk. Kien demokratiku konvint ħafna. Jemmen li l-poplu għandu dritt għar-rappreżentanza tiegħu. Infatti kien kontra s-Senat (li kellna bejn l-1921 u l-1933), għaliex dan ma kienx elett mill-poplu iżda minn ftit individwi. Kien liberali ħafna fil-ħsibijiet tiegħu u kien iħobb ħafna jirreferi għaż-żmien tar-Risorgimento Taljan.
Kellu ideat soċjali avvanzati ħafna għal żmienu. Kien jemmen ħafna fid-drittijiet tal-ħaddiema, u għen biex jitwaqqfu xi kooperattivi. Min kien jafu jgħid li qatt ma bagħad lill-Ingliżi, anzi kien jammirahom bħala poplu. Ċertament iżda kien iħares lejhom bħala avversarji u ħakkiema. Ma kellu rimors għal ħadd u għal xejn. Kien jobgħod ħafna l-vjolenza. L-irvellijiet tal-1919 inkwetawh wisq.
Fl-inkwiet li qam fil-pajjiż l-importanza ta’ Nerik Mizzi reġgħet feġġet meta huwa ssejjaħ biex jagħmilha ta’ Segretarju tal-Assemblea Nazionale. Meta fis-7 ta’ Ġunju ra n-nies bid-demm, Nerik wera kemm kien kontra l-vjolenza u għamel diskors qawwi kontriha, iżda fl-istess ħin diskors ta’ appoġġ għall-Maltin.
Ried id-Dominion Status għal Malta
Nerik Mizzi kien laqa’ l-Kostituzzjoni tal-1921, iżda kellu l-kuraġġ jgħid li din ma kinetx adegwata, għax kien hemm ħwejjeġ importanti li l-Parlament Malti ma kellux kontroll fuqhom. Hu ried li Malta tingħata d-Dominion Status, kif kienu ngħataw l-Afrika t’Isfel, il-Kanada u l-Awstralja.
Kien kontra l-impożizzjoni tal-lingwa Ingliża: “Jien konvint li l-konoxxenza tal-lingwa Ingliża mhux biss hi meħtieġa iżda wkoll indispensabbli. Iżda li toħnoq l-użu u t-tagħlim tal-lingwa Taljana jfisser li qed tbaxxi ferm il-livell kulturali tagħna, paragunat ma’ dak tal-Ingliżi.”
Għal dik l-ewwel elezzjoni tal-Parlament, fl-1921 in-Nazzjonalisti kienu maqsumin f’żewġ partiti, il-Partito Democratico Nazionalista (PDN) li kien ifforma Nerik, li tella’ l-erba’ kandidati ta’ Għawdex, u l-Unione Politica Maltese (UPM) imwaqqfa minn Monsinjur Ignazio Panzavecchia. L-istatut tal-PDN kien jgħid li kellhom l-iskop li “jitwettaq programm soċjali, ekonomiku u politiku ta’ libertà, ta’ ġustizzja u ta’ progress ispirat mill-prinċipji Kattoliċi u t-tradizzjonijiet nazzjonali tal-Poplu Malti.”
L-għaqda
Iż-żewġ partiti Nazzjonalisti bdew jaraw kif isibu t-triq biex jingħaqdu, għax kien ċar li jekk jibqgħu mifruda kien se jgawdi l-partit pro-Ingliż Constitutional ta’ Gerald Strickland.
L-għaqda taż-żewġ partiti Nazzjonalisti bħala Partito Nazionale fl-1926, saret fuq proposta ta’ Nerik Mizzi, u skont kundizzjonijiet li insista fuqhom hu. Il-partit il-ġdid ġie ddikjarat li kien kontinwazzjoni tal-partit oriġinali mwaqqaf minn Fortunato Mizzi fl-1880. Nerik Mizzi mexxa l-PN flimkien ma’ Sir Ugo Mifsud bejn l-1926 u l-1942 (meta kien arrestat mill-ġdid mill-Gvern Kolonjali, u mbagħad internat u eżiljat matul il-Gwerra, iżda dwar dan aktar ’l isfel).
Il-kwistjoni tal-lingwa
Il-kwistjoni tal-lingwa kienet ilha fil-ħajja politika Maltija mis-seklu ta’ qabel. Nerik kien jiddefendi l-kultura Taljana bħala l-kultura Maltija għaliex din kienet ġlieda kulturali mal-Imperu kbir Ingliż.
L-Ingliżi kienu jgħidu li l-Maltin ma kellhomx kultura tagħhom u għalhekk ma kinux nazzjon. L-uniku mod kif in-Nazzjonalisti setgħu jirriaffermaw il-kultura tagħna kien billi jiddefendu l-kultura Taljana f’pajjiżna.
Biex wieħed jifhem din il-materja jrid jaħseb bil-mentalità ta’ dak iż-żmien. Għal ħafna u ħafna snin il-kultura Taljana kienet meqjusa bħala l-kultura Maltija.
L-istess Ingliżi kienu jirrikonoxxu dan, tant li għal kważi mitt sena ħallew l-użu tat-Taljan fil-Qrati u fis-sistema edukattiva. It-Taljan kien il-lingwa tal-Knisja, tal-Qrati, tal-gazzetti u tal-edukazzjoni. L-Ingliż beda jiġi mbuttat aktar meta l-Ingliżi indunaw li kienu għadhom la ddominaw lil Malta u lanqas lill-Maltin.
Bdew jinkwetaw li l-Maltin kienu wisq marbutin ma’ tradizzjonijiet li ma kinux bħal tagħhom, u dan huma riedu jeqirduh. Għalhekk id-difiża tal-kultura Taljana kienet id-difiża tal-kultura Maltija.
In-Nazzjonalisti qatt ma kienu kontra l-użu tal-Malti, iżda kienu jafu li wara l-Ewwel Gwerra, l-Ingliżi riedu javvanzaw lill-Malti bħala attakk ieħor kontra l-influwenza tat-Taljan u l-kultura tagħna ta’ dak iż-żmien.
Uħud mill-kittieba l-aktar importanti tas-seklu kienu Nazzjonalisti. Nerik Mizzi stess kien juża kontinwament il-Malti, iżda fil-Parlament kien jippreferi jitkellem bit-Taljan quddiem l-Ingliżi u l-Istricklandjani, għalkemm kien jaf ukoll bl-Ingliż.
Għal darb’oħra Nerik kien sfortunat għax din il-kwistjoni tal-lingwa ħraxet ukoll minn meta l-Kap tal-Partit Faxxist fl-Italja, Benito Mussolini, sar Prim Ministru, meta l-koalizzjoni Blocco Nazionale (li kienet tinkludi Faxxisti, Popolari, liberali u nazzjonalisti) kisbet il-fiduċja tal-Parlament.
Favur it-Taljan… allura Faxxista!
Għalhekk minn dakinhar il-ħakkiema Ingliżi, dawk li kienu jappoġġjawhom (għall-interessi tagħhom) jew kienu kontra l-PN, bdew ixerrdu l-idea li kull min kien jiddefendi l-lingwa u l-kultura Taljana, allura kien Faxxista.
Dan xejn ma kien aktar ’il bogħod mill-verità. Infatti meta hawn Malta bdew ġejjin refuġjati politiċi, anti-Faxxisti, fosthom kien hemm il-Kattoliku Giuseppe Donati u s-Soċjalista Umberto Calosso. Meta wasal Malta Donati l-ewwel ma ltaqa’ kien ma’ Nerik li baqgħu ħbieb sal-mewt bikrija tiegħu fl-1931 f’Pariġi minħabba t-tuberkolożi. F’Malta kien beda jgħallem it-Taljan fil-Kulleġġ San Edwardu, iżda ma kienx jiflaħ għat-tentattivi tal-Gvern Ingliż u l-Istricklandjani li riedu jeqirdu l-lingwa u l-kultura Taljana, u dwar dan kien kiteb diversi artikli fil-Malta, fosthom wieħed bl-isem ‘Fandonie Stricklandiane’ fejn ikkundanna dan l-aġir. B’hekk hu spiċċa kkunsidrat għadu mill-Ingliżi u dawk kollha li kienu jappoġġjawhom f’Malta.
It-tieni u l-aħħar parti tidher fil-ħarġa ta’ għada ta’ In-Nazzjon
//= $special ?>