Kultura Lokali Mużika

L-arti u l-mużika jiddominaw Notte Bianca 2018

It-13-il edizzjoni tan-Notte Bianca speċjali għall-Belt Ewropea tal-Kultura

It-tlettax-il edizzjoni tan-Notte Bianca nhar is-Sibt 6 t’Ottubru se tiċċelebra t-titlu tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura bl-arti u l-mużika.

Numru ta’ postijiet ikoniċi fil-Belt Valletta, fosthom it-Teatru Manoel, Pjazza San Ġorġ, Pjazza Teatru Rjal, il-Foss tal-Belt, il-Forti Sant’ Iermu u Strada Stretta, se jkunu dedikati għal ġeneri mużikali differenti fosthom il-folk, il-mużika etnika, l-electronic, ir-reggae, il-jazz, tango u l-burlesque. Rappreżentazzjonijiet mużikali minn diversi kantanti u gruppi magħrufa ma jonqsux, hekk kif din is-sena se naraw il-parteċipazzjoni ta’ Tenishia, Tribali, Emma Muscat, Etnika, Lady Lizard, Beheaded u The Riffs, fost ħafna oħrajn.

Valletta 2018 se jkollha wkoll l-ispazju speċjali tagħha fil-Barrakka ta’ Isfel, bl-isem ta’ Dream Village, ispirat mill-għaqda bejn il-kulturi tal-Lvant u tal-Punent, il-mitoloġija u t-tradizzjonijiet, u se jagħti togħma tar-rappreżentazzjoni ta’ mużika-teatru Orfeo & Majnun(li se ssir fid-19 u fl-20 ta’ Ottubru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi) u Sfilata fil-Kapitali (parata li se ssir fis-27 ta’ Ottubru fit-toroq tal-Belt).

Il-magna tal-memorji meraviljużi ta’ Valletta 2018, Magna Żmien, se tkun stazzjonata quddiem il-Qorti matul Notte Bianca. Il-magna li tivvjaġġa fiż-żmien, mibgħuta minn futur imbiegħed biex issalva memorji lokali mid-diżintegrazzjoni, hija mmexxija minn Armchair Voyager Nru. 35 – Wistin. Matul in-Notte Bianca, il-vjaġġatur se jirrakkonta stejjer qodma u ġodda dwar l-importanza tal-kollezzjonijiet awdjoviżivi tal-familja.

Intant, l-Erbgħa 3 t’Ottubru, se jittella’ l-kunċert tal-10 anniversarju tal-karriera tat-tenur Malti, Cliff Zammit Stevens, fi Pjazza San Ġorġ fit-8 ta’ filgħaxija. Cliff se jaqsam il-palk mal-istilla lokali, Ira Losco, għall-akkumpanjament mużikali tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, mmexxija minn Mro Philip Walsh, li se ddoqq diversi bċejjeċ mużikali klassiċi sa suċċessi mużikali ‘pop’ riċenti.

Permezz tal-kunċert, it-tenur Malti se jniedi l-Fondazzjoni Marcy biex tfakkar il-memorja ta’ ommu, Marcelline u bl-għan li tipprovdi gwida u appoġġ lil vittmi ta’ vjolenza domestika, abbuż mid-droga, mard mentali, HIV u abbuż fuq it-tfal.