Lokali Qorti

L-Assoċjazzjoni tas-Social Workers tikkritika d-deċiżjoni tal-Qorti

"Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell titfa ħtija fuq il-mara"

Każ li ġie deċiż riċentament mill-Qorti tal-Appell illi illiberat lil patri mill-akkuża li abbuża sesswalment minn mara vulnerabbli, ġie deskritt mill-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers bħala preċedent li ma jinkuraġġix lil nisa jirrapurtaw vjolenza.

Għalkemm ma ssemmiex b’ismu, l-istqarrija tal-Assoċjazzjoni kienet qed tagħmel referenza ċara għal Patri Charles Fenech, l-eks Duminkan illi nstab ħati li wettaq atti sesswali fil-pubbliku, iżda ġie liberat mill-akkuża ta’ abbuż sesswali.

Skont l-Assoċjazzjoni tas-Social Workers, id-deċiżjoni tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera titfa tort fuq il-vittma, u bħal donnu “tagħti x’tifhem illi r-relazzjoni bejn il-mara u l-patri Dumnikan kienet għażla libera tagħha.”

L-istqarrija tgħid illi f’każi bħal dawn għandu jkun hemm tolleranza zero.

Intqal ukoll illi hemm bżonn proċess edukattiv u għarfien dwar diversi każi fejn nisa qed ikunu vittmi ta’ forom differenti ta’ abbuż – għalhekk il-ħtieġa ta’ aktar informazzjoni u edukazzjoni biex il-vittmi jirrapurtaw u ma jibqgħux isofru fis-skiet.

L-Assoċjazzjoni tgħid illi kull rapport ta’ vjolenza domestika għandu jittieħed b’serjeta’ kbira.