Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li tajjar lill-uffiċjal tal-Pulizija Simon Schembri u baqa’ jsuq, ingħata l-libertà proviżorja.
Id-deċiżjoni ttieħdet il-Ġimgħa meta Debono reġa’ deher quddiem il-Qorti akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Schembri wara każ li fih ħalla lill-Kuntistabbli b’diżabbiltà permanenti.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ddikjarat li Debono jri jipprovdi depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000 oħra, irid jiffirma l-għassa kull nhar ta’ Sibt u jobdi ħinijiet stretti li fihom ma jistax joħroġ.
Dan apparti li nħatar uffiċjal tal-probation biex isegwi lil Debono, bil-Qorti tinnota li Debono għadu minorenni u għandu bżonn għajnuna soċjali speċjali, bil-ħabs ikun kontro-produttiv fil-każ tiegħu.
Id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif intlaqa’ l-argument tad-difiża, li argumentat li Debono jrid ikun ikkunsidrat bħala innoċenti sakemm ma jinstabx mod ieħor u li x-xhieda kollha dehru quddiem il-Qorti biex jagħtu l-verżjoni tagħhom.
Debono ilu arrestat sa mis-16 ta’ Mejju. Hu akkużat ukoll li b’reat kontra uffiċjal pubbliku, li saq karozza li suppost kienet iggaraxxjata, b’number plates foloz, saq mingħajr polza ta’ assigurazzjoni u liċenzja valida, li m’obdiex ordnijiet tal-Pulizija, li ma kienx liebes seat belt, li uża liċenzja ta’ vettura oħra, kiser numru ta’ regoli tat-traffiku, li aċċetta number plates u liċenzja misruqa kif ukoll li hu riċediv.
Id-difiża f’dan il-każ qed titmexxa mill-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.
//= $special ?>