Futbol Sport

Minn sempliċi post fuq facebook ….. tnixxi solidarjetà għaċ-ċkejken Kane u l-familja tiegħu

(Ritratt: Jane Farrugia)

Ilbieraħ filgħaxija, fuq il-paġna ta’ Floriana Supporters Club deher post ta’ avviż li l-flus mill-prima waqt il-logħba tal-lum li Floriana għandhom kontra Qormi, se tmur għall-familja Debattista. Dan hekk kif iċ-ċkejken Kane qed jissielet kontra battalja iebsa.

Wara dan il-post, bdiet tinfirex is-solidarjetà tal-familja tal-futbol f’pajjiżna. Il-partitarji tar-rivali Valletta daħlu jikkumentaw fuq dan il-post offrew messaġġi ta’ kuraġġ kif ukoll suġġerimenti ta’ kif jistgħu jiżdiedu d-donazzjonijiet.

Minn hemm dan il-messaġġ beda jasal għand il-klabbs u s-supporters klabb tagħhom. Il-klabbs ta’ Birkirkara, Gżira United u Ħamrun Spartans ħabbru li d-donazzjonijiet li se jsiru waqt il-logħba fil-lotteriji tagħhom se jmorru għall-familja Debattista. Ġest ukoll li ta’ min ifaħħru hu li permezz tal-Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Alexander Fenech ingħatat id-donazzjoni ta’ €1000, bil-President ta’ Gżira United Sharlon Pace flimkien mal-Kumitat Eżekuttiv tiegħu joffri wkoll €1000.

Il-Malta Football Association ħabbret ukoll li bħala parti mill-programm tagħha ta’ Responsabbiltà Soċjali, €1 minn kull biljett imħallas għall-partiti ta’ din il-ġimgħa mill-Kampjonat BOV Premier, se jmorru għall-familja ta’ Kane.

#UnitedForKane