Il-kowċ Pierre Borg se jkun qed jibda esperjenza ġdida fil-Waterpolo lokali hekk kif inħatar kowċ ta’ Birżebbuġa. Hu kien approvat mill-kumitat tal-klabb u ffirma kuntratt għat-tliet snin li ġejjin bħala kowċ full-time.
Għalih se jkun ritorn fil-klabb ta’ Birżebbuġa wara li beda l-karriera tiegħu ta’ plejer magħhom. Hu għamel sa 29 sena jilgħab mal-klabb u ddeċieda li jingħaqad ma’ Marsaskala fejn rebaħ il-kampjonat fl-1997.
Wara li rtira bħala plejer, fl-1999 inħatar kowċ ta’ Marsaskala ta’ taħt id-19-il sena. Hu ħa t-tmexxija tat-tim tal-kbar fl-2001 u għajr esperjenzi żgħar ma’ San Ġiljan u Sirens dejjem baqa’ mal-klabb. Borg kellu esperjenza wkoll ta’ kowċ nazzjonali.
F’post fuq facebook, il-President ta’ Birżebbuġa George Farrugia qal li ma kinitx deċiżjoni faċli li jibdlu l-kowċ minħabba li Marco Risso wassal lit-tim sal-quċċata fl-iqsar żmien possibbli. “Il-kumitat ħass li wasal iż-żmien li t-tim ikollu kowċ full-time li jista’ jiddedika l-ħin kollu tiegħu,” qal Farrugia.
Il-President ta’ Marsaskala Aaron Simpson ddeskriva lil Pierre Borg bħala persuna leali u raġel fuq l-irġiel. Hu qal li Borg baqa’ mal-klabb fit-tajjeb u l-ħażin, anki meta kellhom problemi finanzjarji. Simpson saħaq li d-dispjaċir tiegħu hu li Pierre Borg se jkun avversarju tiegħu s-sena d-dieħla.
Marsaskala aġixxew malajr biex jimlew il-vojt li ħalla Pierre Borg, u ħatru lil Dorian Pisani bħala l-kowċ tal-ewwel tim. Pisani se jkollu wkoll il-kategoriji ta’ taħt is-17 u l-15-il sena. Joe Sciortino se jkollu l-kategoriji ta’ taħt it-13 u l-11-il sena filwaqt li Christoph Cauchi se jikkowċja l-kategoriji ta’ taħt id-disa’ u s-seba’ snin.
//= $special ?>