Lokali

Problema globali tat-traffikar tan-nisa u tal-prostituzzjoni

Vittmi ta’ abbuż fiżiku, mentali, jew sesswali għandhom jirrappurtaw immedjatament biex b’hekk jinħelsu mit-tbatija.

Dan kien wieħed mill-messaġġi li twasslu waqt konferenza dwar it-traffikar tan-nisa u l-prostituzzjoni, b’mistiedna minnhom tkun il-ġurnalista Julie Bindel li tiġġieled għad-drittijiet tan-nisa, u awtriċi tal-ktieb ‘The Pimping of Prostitution: Abolishing the Sex Work Myth’.

L-għan tal-konferenza kien li t-traffikar tan-nisa u l-prostituzzjoni jiġu eliminati filwaqt li jwasslu messaġġ biex wieħed jissapportja u jagħti dinjità lill-vittmi.

Waqt il-konferenza, il-kelliema kontinwament saħqu li hemm bżonn li tinbidel il-perspettiva tan-nies dwar it-traffikar tan-nisa u l-prostituzzjoni. Dan hekk kif wieħed ma jkunx jaf ir-raġuni għala l-vittmi jkunu spiċċaw f’din is-sitwazzjoni.

B’risposta għal waħda mill-mistoqsijiet li saru mill-udjenza, intqal li hemm bżonn li jitwassal il-messaġġ lill-Gvern u dawk konċernati biex jieħdu azzjoni rigward dan.

Katrine Camilleri, li kienet qed tirrapreżenta lil Jesuit Refugee Services in Malta, qalet li huwa importanti li l-ewwel pass ikun li wieħed jisma’, jifhem, u ma jikkritikax lill-vittmi. Dan biex dawk li jkunu fil-prostituzzjoni jsibuha eħfef biex joħorġu minnha hekk kif mhix faċli li wieħed jibda ħajja ġdida.

F’diversi filmati li ntwerew, kien hemm diversi vittmi li tkellmu u qasmu l-esperjenzi tagħhom. Uħud mill-vittmi bdew bil-problemi minn etajiet żgħar, b’waħda mill-vittmi saħansitra minn ta’ erba’ snin. Huma ddeskrivew kif kienu jiġu abbużati kemm b’mod sesswali, mentali, jew u saħansitra anke b’mod fiżiku.

L-Ispettur mill-iskwadra ta’ kontra l-Vizzji, Joseph Busuttil qal li waħda mill-istejjer li investiga kienet dwar prostituzzjoni  minħabba problemi finanzjarji.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ntervjeniet permezz ta’ filmat irrikordjat u hi wkoll saħqet dwar l-importanza li l-prostituzzjoni ma tibqax tisraq il-ħajja tan-nies madwar id-dinja.

Għal din il-konferenza attendiet il-kelliema tal-Oppożizzjoni għad-drittijiet indaqs, Claudette Buttigieg, u rappreżentanti tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MMPN).