L-aħħar Inkurunazzjoni Solenni fuq Vara li qatt kien hawn fil-gżejjer Malti seħħet fl-1973 fir-raħal tax-Xagħra meta ġiet inkurunata l-Vara ta’ Marija Bambina. Propju 45 sena wara, il-Maltin għandhom l-opportunità unika li jgħixu din l-esperjenza mill-ġdid f’Tas-Sliema hekk se tiġi nkurunata solennament il-Vara Titulari tas-Sultana Tagħna tal-Qalb ta’ Ġesù.
Żorna l-Knisja Parrokkjali tagħha l-Ġimgħa waqt li kienu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Oratorju Marjan tas-Surmast Joseph Magri li se ttella’ l-Banda Sliema dakinhar filgħaxija, Lejlet l-Inkurunazzjoni.
Il-Gwardjan, Patri Pawl Galea OFM, qalilna kif l-istorja tgħid li meta Dun Pawl Vella bena Knisja ddedikata lis-Sacro Cuore, kif diġà ħaseb għall-Vara għalieha. Vella kkummissjona lil Ġlormu Darmanin u meta dan lestieha fl-1879, il-Vara nżammet għand Sorijiet tal-Ursolini l-Belt.
“Meta fetħet il-Knisja fl-1881, inġiebet il-Vara minnufih mill-Belt u daħlet il-Knisja. Minn dak il-ħin, kif tgħid l-istorja ddokumentata, in-nies isaħħret wara din l-istatwa u bdiet mal-ewwel id-devozzjoni. Dik kienet devozzjoni ġdida li Dun Pawl, biex ngħidu hekk, kważi kien hu l-promotur tagħha hawn Malta Id-devozzjoni bdieha saċerdot Franċiż u approvaha l-Papa Piju IX.”
Għalkemm l-Madonna u l-Bambin kienu diġà ppreżentati bil-kuruni peress li t-titlu ta’ Sultana tal-Qalb ta’ Ġesù jitlob dan, il-Gwardjan stqarr magħna dwar din ix-xewqa tas-Slimiżi li tkun nkurunata solennamen:
“Ix-xewqa kienet dejjem hawn. Evidenza ta’ dan huma l-ħafna għotjiet ta’ dehbijiet li kien hawn tul is-snin. Ma tafx, maż-żmien, qisu kien il-Bambin li ppjana meta ssir din l-inkurunazzjoni u vera ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi meta Mons. Arċisqof, Charles Scicluna, ra li hawn din id-devozzjoni, huwa stess uriena x-xewqa li din l-istatwa tiġi nkurunata b’mod solenni. Ġiet l-okkażjoni tal-100 sena tal-Parroċċa u l-Arċisqof ħass li jagħtina din il-grazzja u l-unur lill-Parroċċa.”
B’din l-Inkurunazzjoni Solenni tas-Sibt filgħaxija mill-Arċisqof Scicluna, il-Parroċċa tas-Sacro Cuore se tgħola għad-dinjità ta’ Santwarju. Il-funzjoni tibda fis-6 ta’ filgħaxija b’konċelebrazzjoni pontifikali mill-Arċisqof u konċelebrata minn għadd ta’ Isqfijiet, Saċerdoti u Reliġjużi fejn wara l-omelija, isir it-tqegħid tal-kuruni tad-deheb fuq ras il-Madonna u l-Bambin, liema kuruni huwa xogħol antik artiġjanali Naplitan. Wara isir il-kxif ta’ żewġ monumenti kommemorattivi fis-Santwarju u l-Każin tal-Banda Sliema.
Il-festi jagħlqu l-Ħadd b’Pellegrinaġġ devozzjonali aux flambeaux bil-Vara Nkurunata li toħroġ mis-Santwarju tagħha fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija.
//= $special ?>