Il-Ministru Taljan għall-Intern, Matteo Salvini, sejjaħ għad-deportazzjoni tat-Tuneżini kollha li jinsabu l-Italja illegalment jew mingħajr id-dokumenti meħtieġa. Intant, Salvini, li kien għaddej bi żjara f’Tunis, ħeġġeġ għall-miżuri ‘biex iwaqqfu l-immigrazzjoni illegali’.
Salvini qal dan wara laqgħa li kellu mal-President tat-Tuneżija, Beji Caid Essebsi.
Il-Ministeru Taljan għall-Intern qal li, mill-bidu tas-sena sallum, madwar 4,500 Tuneżin irnexxielhom jaslu l-Italja ‘bil-metodi klandestini’.
Sadanittant, Matteo Salvini qal li l-Italja għandha tistimola l-investiment fit-Tuneżija bħala parti mill-isforzi biex twaqqaf l-immigrazzjoni illegali minn dan il-pajjiż Għarbi lejn xtutha. L-investiment, intant, qed jitqies bħala stimolu għat-tkattir tax-xogħol li jista’ jelimina kawża ewlenija għall-immigrazzjoni illegali.
//= $special ?>

