Għawdex Lokali

Tibda Inkjesta Maġisterjali wara l-mewt ta’ pazjent fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Il-Pulizija qed tinvestiga l-mewt ta’ anzjan ta’ madwar 70 sena li miet sigħat wara li għamel operazzjoni fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda, u dwar nfetħet Inkjesta Maġisterjali, xi ħaġa li tiġri meta pazjent imut wara li jkun għamel intervent mediku li ma jkunx meqjus bħala wieħed riskjuż.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat li dwar dan il-każ għaddejja investigazzjoni. Fir-reazzjoni tiegħu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex qal li din hi aħbar oħra inkwetanti, u ddikjara li l-Għawdxin huma inkwetati u bir-raġun bis-sitwazzjoni li għaddejjin minnha.

Din hi t-tieni Inkjesta Maġisterjali li qed tissejjaħ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’temp ta’ ftit jiem, wara dik preċċedenti li saret fuq pazjent li sofra minn attakk tal-qalb iżda ma kienx hemm ħelikopter biex iwasslu lejn Malta. Dan bil-konsegwenza li miet ftit wara.

Din l-inkjesta kienet sabet li l-ħelikopter kien disponibbli, iżda sorsi qrib il-każ u xhieda li kienu fil-post tkellmu mill-ġdid ma’ Chris Said fejn iddikjaraw li dan ma kienx minnu.

L-istess Chris Said iddikjara li, minkejja li ġab l-informazzjoni minn impjegati li kienu xogħol dakinhar, ħadd ma tkellem miegħu jew kien involut fl-Inkjesta Maġisterjali biex jiddikjara taħt ġurament dak li kien jaf u xi provi kellu.