Valtteri Bottas kiseb pole position b’sorpriża hekk kif għeleb lil Lewis Hamilton f’doppjetta tal-Mercedes, biex b’hekk l-ewwel filliera għall-Grand Prix tar-Russja se tkun kollha Mercedes. Bottas li għadu mingħajr rebħa dan l-istaġun, kellu prestazzjoni brillanti fejn għamel rekord taċ-ċirkwit f’Sochi b’ħin ta’ 1:31.387.
Minkejja li ma għamilx l-aħjar ħin, Lewis Hamilton xorta għandu jkun sodisfatt li se jibda qabel ir-rivali tiegħu Sebastian Vettel, bil-Ġermaniż jispiċċa aktar minn nofs sekonda wara Bottas. It-tieni filliera se tkun kollha Ferrari, b’Kimi Raikkonen jagħmel ir-raba’ l-aħjar ħin, fejn tal-anqas ma kellhomx battalja maż-żewġ sewwieqa tar-Red Bull li ma għamlux ħin minħabba l-penalità li għandhom wara bidla fil-magni.
Din id-deċiżjoni li ma jiħdux sehem fit-tielet fażi, fetħet battalja għal min se jibda fil-ħames post, dwell li ntrebaħ minn Kevin Magnussen ta’ Haas. Esteban Ocon se jibda mis-sitt post wara li rebaħ bi ftit lil Charles Leclerc, li kiseb l-aqwa pożizzjoni fil-provi uffiċjali.
Ħaġa stramba kienet li fit-tieni fażi ħames sewwieqa ma għamlux ħin hekk kif minbarra Verstappen u Ricciardo, Pierre Gasly għamel l-istess għall-istess raġuni. Renault ma kellhomx l-istess skuża iżda għażlu li ma joħorġux lil Nico Hulkenberg u lil Carlos Sainz, biex ikollhom l-għażla ħielsa għall-istrateġija tat-tyres.
Kif se jibdew
1. Valtteri Bottas 1:31.387
2. Lewis Hamilton +0.145
3. Sebastian Vettel +0.556
4. Kimi Raikkonen +0.850
5. Kevin Magnussen +1.794
6. Esteban Ocon +2.026
7. Charles Leclerc +2.032
8. Sergio Perez +2.176
9. Romain Grosjean +2.317
10. Marcus Ericsson +2.809
Eliminati fit-tieni fażi
11. Max Verstappen Bla ħin
12. Daniel Ricciardo Bla ħin
13. Pierre Gasly Bla ħin
14. Carlos Sainz Bla ħin
15. Nico Hulkenberg Bla ħin
Eliminati fl-ewwel fażi
16. Brendon Hartley 1:35.037
17. Fernando Alonso 1:35.504
18. Sergey Sirotkin 1:35.612
19. Stoffel Vandoorne 1:35.977
20. Lance Stroll 1:36.437
//= $special ?>