Lokali Parlament

Diversi liġijiet fuq l-aġenda parlamentari minn nhar it-Tnejn

It-Tnejn jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament wara l-waqfa tas-sajf

Hekk kif it-Tnejn li ġejja jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara l-waqfa għas-sajf, tirritorna lura ukoll ir-rutina parlamenti b’diversi kumitati permanenti u seduti fil-plenarja jerġgħu jitlaqqgħu.

Mistoqsi dwar x’liġijiet partikolari ta’ interess kbir għall-poplu li se jiġu diskussi,  il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Parlamentari, David Agius, magħna tkellem dwar kif hemm numru ta’ liġijiet li qiegħdin fuq l-aġenda parlamentari, mil-liġi tal-volontarjat għall-oħrajn relatati mal-aspett finanzjarji. Magħhom se jkun hemm liġijiet u private member’s bills imressqa minn naħa tal-Oppożizzjoni iżda mhux biss:

“Aħna ovvjament nagħtu importanza enormi lill-mistoqsijiet parlamentari fejn id-deputati tagħna jistaqsu biex inżommu lill-Gvern taħt skrutinju l-ħin ukoll. Għandna ukoll il-ħin allokat għalina tal-aġġornamenti fejn mill-ġranet li ġejjin, se jingħataw l-importanza li jixirqilhom għax il-membru parlamentari jitratta s-suġġetti kollha, fosthom l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, l-ambjent u numru ta’ suġġetti oħra fid-diskors tiegħu fil-Parlament.”

Fost diversi kumitat oħra, it-Tnejn fil-11 ta’ filgħodu jirritorna ukoll il-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra biex jattwaw pjan informali bejn iż-żewġ naħat tal-kamra f’aġenda soda parlamentari li tkun pubblika.  Dan il-kumitat jara li ċerti kumitat, bħall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, jitlaqqgħu b’mod regolari.

“Imbagħad għandna numru ta’ kumitati oħrajn importanti. Għandna l-kumitat tal-petizzjonijiet li għandu numru ta’ petizzjonijiet quddiemu li rridu narawhom u nieħdu deċiżjonijiet importanti dwarhom. Għandna l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fejn quddiemu għandu numru ta’ talbiet għall-investigazzjonijiet serji ħafna li dwarhom irridu niffukaw fuqhom bħala Parlament.”

Magħhom hemm il-kumitat ta’ skrutinju, li jevalwa u jistaqsi mistoqsijiet dwar ħatriet tal-ambaxxaturi u n-nies f’karigi għoljin.

Staqsejna lil David Agius dwar xi mozzjonijiet partikolari li se jitressqu:

“Għandna mozzjonijiet importanti fothom il-ħatra tal-Avukat George Hyzler bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din hija ħatra li kienet imressqa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr. Adrian Delia, għan-nom tal-Oppożizzjoni, numru ta’ xhur ilu biex jiġi approvat minn naħa tal-Gvern. Jidher li l-Gvern issa laqa’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant, fil-ġranet li ġejjin, fil-Parlament ikollna din fuq l-aġenda tagħna.”

Dan il-vot, li jrid jiġi approvat minn żewġ terzi tal-kamra, għandu jitressaq fil-ġimgħat li ġejjin. David Agius saħaq fuq l-importanza li l-vot jgħaddi bl-approvazzjoni ta’ kulħadd biex naraw li l-Ministri, is-Segretarji Parlamentari u l-Membri Parlamentari jaġixxu b’mod etiku fil-ħajja pubblika.

L-Oppożizzjoni se tkun qed tara ukoll li jibda l-proċess tant importanti ta’ tibdil kostituzzjonali u se tkun impenjata tara li dan it-tibdil neċessarju jibda malajr kemm jista’ jkun. Dan fl-ambitu tal-ħsieb tal-Oppożizzjoni li dak li hemm tajjeb, intejjbuh, u dak li hu ħażin, ngħidu li hu ħażin u noħorġu proposti biex isir titjib.