Lokali

Il-mixja / ġirja annwali b’risq il-MCCF se ssir fl-4 ta’ Novembru

Din is-sena, l-ispiża tal-Malta Community Chest Fund mistennija tlaħħaq id-disa’ miljun Ewro, hekk kif it-talbiet ġodda għall-għajnuna qed ilaħħqu mal-erba’ mija fix-xahar. Qalet dan l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt it-tnedija tal-Fun Run annwali li din is-sena se ssir nhar il-Ħadd 4 ta’ Novembru.

Il-President iddeskriviet din l-attivita’ bħala ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni, volontarjat, għaqda, solidarjeta’ u ġenerożita’, li fi kliem il-President, hija l-akbar valur li jiddeskrivi l-poplu Malti.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ. Sport u l-Ġlieda kontra l-Obeżita’ tkellem dwar kif din il-mixja jew ġirja tista’ sservi bħala opportunita’ għal kulħadd biex jieħu sehem f’attivita’ fiżika. Semma ukoll li din hija attivita’ li tgħaqqad lil poplu Malti f’poplu wieħed, ‘il bogħod mid-diviżjoni politika. Il-preżenza ta’ kulħadd waqt din l-attivita’ għandha twassal il-messaġġ li l-poplu Malti irid ikun parti minn soċjeta’ li jimpurtaha minn kulħadd, temm jgħid l-Onor. Callus.

Għall-għaxar sena konsekuttiva, l-isponsor ewlieni se jkun il-bank BNF. Il-kap eżekuttiv tal-bank Michael Collins spjega li din hija attivita’ li tifforma parti mir-responsabbilta’ soċjali tal-bank. Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li rridu napprezzaw is-saħħa tal-volontarjat u l-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar ta d-dettalji loġistiċi tal-attivita’ li għal sena oħra se jkollha tliet punti tat-tluq għal min irid jimxi. Il-grupp immexxi mill-President ta’ Malta se jitlaq minn ħdejn l-Universita’, il-punt tat-tluq tradizzjonali minn Santa Venera, u grupp ieħor li jitlaq minn Raħal Ġdid. Dawk li jixtiequ jiġru, jitilqu mis-Saqqajja fir-Rabat, fejn imbagħad il-parteċipanti jiltaqgħu flimkien ħdejn Bieb il-Bombi. L-attivita’ tibda fl-10 ta’ filgħodu.