Lokali

Inawgurata żona ta’ rikreazzjoni f’Dar Merħba Bik

Grazzi għall-ħidma fis-skiet u l-ġenerożita’ tas-Sorijiet tal-Bon Pastur, ħafna nisa u ommijiet tul is-snin irnexxielhom jerġgħu jibdew ħajjithom mill-ġdid, fil-kienn ta’ Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan. Qalet dan l-Eċċellenza tagħha il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, waqt l-inawgurazzjoni ta’ żona ta’ rikreazzjoni fl-istess dar. Dan il-proġett sar mill-organizazzjoni Soroptimist International, li taħdem biex tgħin u toffri protezzjoni lil nisa vittmi ta’ abbuż u vjolenza domestika.

F’Malta din l-organizzazzjoni ilha taħdem ma’ dawk l-aktar vulnerabbli għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena. L-għan ta’ dan il-proġett, li jinkludi t-tħawwil ta’ ħamsa u għoxrin siġra taż-żebbuġ, mhuwiex biss ir-rikreazzjoni tar-residenti, imma ukoll li din iż-żona tkun eżempju ta’ ambjent sostenibbli. Fil-fatt iż-żebbuġ li se jinqata’ minn dawn is-siġar se jintuża kemm mir-residenti kif ukoll mill-komunita’.

Il-President kompliet li dan il-proġett għandu jixpruna aktar entitajiet u organizazzjonijiet jingħaqdu f’kollaborazzjonijiet simili għal ġid tal-batut. Elaine Pavia, Kap ta’ Dar Merħba Bik, spjegat li d-dar tirrikjedi ħafna spejjeż, u ħafna mill-fondi jintużaw biex ikunu żviluppati terapiji differenti li jgħinu lir-residenti jiksbu lura d-dinjita’ tagħhom.

Fl-inawgurazzjoni tkellmet ukoll Sister Doris Saliba, soru tal-Bon Pastur, li spjegat li l-ħidma wiesgħa ta’ Dar Merħba Bik hija apprezzata minn kulħadd u dan tixhdu l-għajnuna kbira li tingħata. Dot Hunter, rappreżentanta ta’ Soroptomist International Malta, qalet li l-għan tal-organizazzjoni hu li dawn in-nisa jiġu mgħallma ħiliet li jgħinunhom isiru indipendenti. Dan il-proġett, li sar ukoll bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Ambjent, se jkun proġett sostenibbli u li se jibqa’ jitgawda mir-residenti u t-tfal tagħhom.