Sport Sport Ieħor

Irridu nkunu umli u realistiċi – Xavier Saliba (kowċ ta’ Valletta Futsal)

Valletta se jilagħbu fir-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League

Wara li għaddew mir-Rawnd Preliminari tal-UEFA Futsal Champions League, Valletta jinsabu fil-preparazzjoni tagħhom biex il-ġimgħa d-dieħla jilagħbu fir-Rawnd Prinċipali tal-istess kompetizzjoni.

Konxji mill-fatt li l-livell hu ogħla minn tagħhom, iċ-champions lokali Valletta għandhom il-mira li jiksbu kemm jista’ jkun punti. Il-kowċ ta’ Valletta Xavier Saliba qal li fattur għas-suċċess hu li jkunu umli u realistiċi għaliex jafu li l-kwalità tat-timijiet hi ħafna aħjar minn tagħhom.

Saliba tkellem dwar il-preparazzjoni tat-tim fejn qal li kienet differenti mill-preparazzjoni tar-rawnd ta’ qabel. Dan minħabba l-fatt li riedu jippreparaw għas-Super Cup, l-impenji tat-tim nazzjonali kif ukoll il-wasla tal-plejer barrani Georgjan li se jiltaqa’ mal-iskwadra fis-Slovakkja.

Mit-tliet logħbiet tar-Rawnd Preliminari, l-iskwadra ta’ Valletta kellha xi tibdil. Naqsu mit-tim l-Ispanjol Yeray Hernandez Gutierrez, is-Serb Ninoslav Aleksic u l-Georgjan Buta Kakabadze, filwaqt li żdied Shota Chanukvadze mill-Georgja, plejer li l-istaġun li għadda lagħab ma’ Swieqi.

Il-kowċ Belti għamel evalwazzjoni tal-avversarji li għandhom. Hu qal li Lucenec tas-Slovakkja jidher tim tajjeb u aħjar minn Veles, Araz Naxvican huma tim b’saħħtu filwaqt li FK Vytis tal-Litwanja għaddew kontra ċ-champions Olandiżi, b’Saliba jagħmel paragun li l-Olanda lagħbet kontra Malta din il-ġimgħa u kulħadd jaf id-differenza bejn it-tnejn.

Teżisti pożittività u ottimiżmu fiċ-Chairman tal-klabb Edward Bartolo kif ukoll fil-President Chris McKay. Bartolo qal li l-objettiv tal-klabb intlaħaq u rringrazzja lill-kowċis u l-plejers, filwaqt li jemmen li rrappreżentaw lill-klabb u l-Malta bl-aħjar mod possibbli. McKay qal li l-għan tagħhom hu li jiksbu kemm jista’ jkun punti.

Waqt il-konferenza stampa kien żvelat li Valletta pruvaw jorganizzaw ir-Rawnd Preliminari f’pajjiżna iżda sabu diffikultà minħabba li l-lukandi jkunu mimlija u ma jkoprux mal-fondi li jirċievu mill-UEFA għaliex ma jkunux biżżejjed.

Il-logħob ta’ Valletta

L-Erbgħa 3 ta’ Ottubru

Lucenec v Valletta                  6.00pm

Il-Ħamis 4 ta’ Ottubru

Valletta v Araz Naxvican       3.30pm

Is-Sibt 6 ta’ Ottubru

FK Vytis v Valletta                  3.30pm