Futbol Sport

Juventus sitt punti vantaġġ fil-quċċata b’rebħa fuq Napoli

(Ritratt: EPA)
Rebħiet għal Roma u Inter

Juventus jinsabu sitt punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika wara li għelbu lil Napoli 3-1 f’konfront dirett, biex baqgħu b’punti massimi wara seba’ logħbiet.

Kienu Napoli li fetħu l-iskor fl-10 minuta meta Jose Callejon qassam fil-kaxxa lil DRIES MERTENS li skorja f’lasta vojta. Juventus wettqu reazzjoni u fis-26 minuta ġabu d-draw meta Cristiano Ronaldo mix-xellug sab lil MARIO MANDZUKIC li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Ospina.

Juventus marru minn fuq fid-49 minuta. Kien xutt ta’ Cristiano Ronaldo li ħabat mal-wieqfa, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ MARIO MANDZUKIC li xeħet f’xibka vojta.

Napoli kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fid-59 minuta meta tkeċċa għat-tieni karta safra Mario Rui. Juventus għalqu l-logħba kwarta mit-tmiem, meta minn korner mil-lemin, id-daqqa ta’ ras ta’ Ronaldo spiċċat fid-direzzjoni ta’ LEONARDO BONUCCI li skorja mill-qrib.

Roma għelbu lil Lazio 3-1 fid-derby ta’ Ruma. LORENZO PELLEGRINI poġġa lil Roma minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima meta ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Lazio u skorja bit-takkuna. Lazio ġabu d-draw fis-67 minuta meta CIRO IMMOBILE ħa vantaġġ minn żball ta’ Federico Fazio u għeleb lil Robin Olsen b’xutt djagonali fil-baxx.

Roma reġgħu marru minn fuq erba’ minuti wara bi free-kick ta’ ALEKSANDER KOLAROV, biex għalqu l-logħba fis-86 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ FEDERICO FAZIO minn free-kick.

Inter telgħu momentarjament fit-tielet post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fuq Cagliari. LAUTARO MARTINEZ fetaħ l-iskor fit-12-il minuta meta għeleb lil Alessio Cragno b’daqqa ta’ ras wara kross mix-xellug ta’ Dalbert.

Cagliari kienu għoddhom ġabu d-draw fit-73 minuta meta minn korner, Daniele Dessena għeleb lil Samir Handanovic, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Davide Massa ħassar il-gowl minħabba li Dessena mess il-ballun b’idejh.

Inter għalqu l-logħba fid-89 minuta meta minn korner, MATTEO POLITANO kkontrolla l-ballun u għeleb lil Cragno b’konklużjoni għar-rokna.

Tags