Futbol Sport

Liverpool isalvaw draw fi Stamford Bridge ….. Manchester United fi kriżi

(Ritratt: EPA)

Liverpool salvaw draw ma’ Chelsea fl-aħħar ħinijiet ta’ konfront mill-aktar missielet fi Stamford Bridge, bl-eroj tar-Reds ikun is-sostitut, Daniel Sturridge li sab ir-rokna tax-xibka fid-89 minuta meta kollox kien qed jidher mitluf għar-Reds ta’ Merseyside.

Il-gowl wasal bħala doċċa kiesħa għal Chelsea li kienu marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima b’gowl ta’ Eden Hazard, Dan meta l-Blues kienu qed jaħsbu biex jikkontrollaw il-vantaġġ minimu sal-aħħar bil-għan li jilħqu lil Manchester City – il-leaders il-ġodda tal-Premier League b’19 il-punt.

Intant, huma Liverpool li qed iżommu l-pass ma’ City wara li Sturridge, bil-kalma kollha, venven ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa biex għeleb għal kollox lil Arrizabalaga u salva punt prezzjuż għat-tim tiegħu li għad irid isofri l-ewwel telfa fil-kampjonat. Madankollu, ir-riżultat, 1-1, ifisser ukoll li r-Reds naqsu milli jieħdu punti massimi għall-ewwel darba mill-bidu tal-istaġun.

Manchester City, qatt ma kellhom diffikultà ma’ Brighton fl-Etihad Stadium, b’gowls ta’ Raheem Sterling u Sergio Aguero jaċċerta lis-Citizens minn tliet punti oħra. Ir-riżultat qatt ma kien f’dubju wara li Sterling żblokka r-riżultat wara 29 minuta fuq il-cross ta’ Leroy Sane, b’Aguero jagħlaq kull diskors fil-65 minuta fuq suġġeriment ta’ Sterling.

Għall-kuntrarju, l-inkwiet ma jridx jieqaf għal Manchester United, bir-Red Devils jinsabu fi kriżi ċara wara l-agħar bidu għall-kampjonat f’29 sena. Wara l-eliminazzjoni kontra Derby County ta’ The Championship fil-Carabao Cup, United, spiċċaw umiljati minn West Ham, 3-1, fil-London Stadium u fil-preżent għandhom biss għaxar punti mill-ewwel seba’ logħbiet tal-kampjonat.

Il-logħba fil-London Stadium bdiet għat-telgħa wara biss ħames minuti meta Felipe Anderson skorja bit-takkuna fuq il-kross ta’ Zabaleta – u minn pożizzjoni kemmxejn dubjuża. Il-Hammers għamluhom tnejn qabel il-mistrieħ, din id-darba b’element ta’ fortuna, wara li x-xutt ta’ Yarmolenko ħabat ma’ Lindelof u qabad lill-gowlkiper de Gea fuq sieq waħda.

Fit-tieni taqsima, is-sostitut Rashford naqqas id-distakk għal United iżda anqas minn tliet minuti wara, West Ham skorjaw it-tielet u l-aħħar gowl minn Arnautovic li rċieva mingħand Noble u, mill-ġdid, għeleb lil de Gea b’xutt fil-baxx.

Arsenal komplew għaddejjin b’rebħa oħra, din id-darba kontra Watford, 2-0, f’darhom, u bil-Gunners, issa, jirreġistraw is-seba’ trijonf konsekuttiv fil-kompetizzjonijiet kollha. Wara li l-ewwel taqsima intemmet mingħajr gowls, Arsenal kellhom jistennew sa tard ħafna fil-logħba biex imorru fil-vantaġġ b’awtogol ta’ Cathcart fil-81 minuta. Ftit tal-ħin wara, Mesut Ozil irdoppja għall-Gunners fuq xogħol tajjeb ta’ Lacazette.

Everton ukoll ħallew għat-tieni taqsima biex jaċċertaw mill-punti kontra Fulham f’Goodison Park, iżda mhemmx dubju li huma kien jimmeritahom ir-rebħa bħalma jindika l-iskor finali, 3-0. Wara li Gylfi Sigurdsson tilef penalty għal Everton fl-ewwel taqsima, il-plejer Iżlandiż patta għal dan b’żewġ gowls fis-56 u d-89 minuta, bil-gowl l-ieħor tat-Toffees jasal minn Tosun, fis-66 minuta.

L-attakkant ta’ Tottenham, Harry Kane, skorja doppjetta fir-rebħa, 2-0, għal Spurs fuq Huddersfield, bit-tim ta’ Londra issa jinsab fir-raba’ post tal-Premier League. L-ewwel gowl ta’ Kane wasal fil-25 minuta fuq il-kross ta’ Trippier, bi Spurs, imbagħad, jirbħu penalty għall-fawl ta’ Hadergjonaj fuq Danny Rose —  b’Kane ma jiżbaljax mill-ħdax il-metru.

Kompla, intant, il-bidu diżastruż ta’ Newcastle fil-kampjonat, bil-Geordies isofru telfa oħra f’darhom, din id-darba kontra Leicester. Il-logħba kienet nieqsa mill-azzjonijiet iżda wara nofs-siegħa logħob, Yedlin mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, b’Jamie Vardy jiskorja l-penalty sussegwenti għall-vantaġġ tal-Foxes. Fit-tieni taqsima, id-difensur Maguire għeleb mill-ġdid lill-gowkiper, Dubravka, bir-ras, għat-2-0 finali.

Il-jum kien wieħed memorabbli għall-plejer ta’ Wolves, Ivan Cavaleiro, li sab ix-xibka għat-tim tiegħu kontra Southampton f’Molineux. Fil-fatt, dan il-plejer – li kien daħal jilgħab bħala sostitut wara 77 minuti – irnexxielu jiskorja bl-ewwel ballun li qatt ġie f’saqajh f’logħba tal-Premier League u fejn ta vantaġġ importanti lit-tim tal-Midlands. Il-gowl, li kien maħdum minn Adama Traore, ħasad bil-kbir lis-Saints li kellhom isofru tieni gowl meta, għaxar minuti wara, Jonathan Castro Otto rċieva mingħand Doherty u konkluda mill-viċin għat-2-0.