Internazzjonali

Mewt u ħerba wara terremot u tsunami fl-Indoneżja

Sensiela ta’ theżżiż tal-art qawwijin riegħdu lil Palu fil-gżira Indoneżjana ta’ Sulawesi fejn ċedew numru ta’ djar, b’talanqas 380 persuna mietu. Dan hekk kif wara t-terremot kien hemm tsunami b’mewġ ta’ tlett metri.

L-awtoritajiet, li kienu qed jistennew li jiskopru ‘ħsarat madwar medda ta’ territorju’, ħeġġew lin-nies biex ma joħorġux ‘il barra minħabba l-potenzjal qerriedi ta’ theżżiż tal-art sekondarju.

L-aktar terremot qawwi rreġistra 7.5 fuq l-Iskala, bl-epiċentru tiegħu ikun indikat sa għaxar kilometri fil-fond tal-art lejn il-grigal tal-belt ta’ Donggala.

Intant, uffiċjali mal-aġenziji inkarigati b’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kkonfermaw il-kroll ta’ diversi djar fit-terremoti u t-tsunami, waqt li qalu li kienu qegħdin isibuha diffiċli biex jiksbu l-informazzjoni mid-disa’ villaġġi affettwati mill-ewwel theżżiża kbira.

Dan waqt li tħarbtu s-sistemi għall-komunikazzjoni mar-reġjun affettwat, bl-awtoritajiet jikkonfermaw ‘ħsarat kbar partikulari’ fiz-zona ta’ Donggala, fejn qed jgħixu mat-300,000 persuna.