Lokali

Raġel Sqalli ferut serjament f’San Ġiljan

Ritratt mill-arkivji

Għal ħabta tas-sitta ta’ filgħodu, raġel Sqalli ta’ 22 sena, mar fl-Għassa ta’ San Ġiljan jitlob l-għajnuna fejn allegatament safa aggredit minn persuna oħra. Il-Pulizija nnutat li r-raġel kien ferut u kellu xi dmija u għalhekk issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li għal xi raġuni qam argument bejn il-vittma u raġel ieħor f’appartament fi Triq Forrest, San Ġiljan. Ir-raġel ta’ 22 sena sofra xi ġrieħi wara li allegatament safa aggredit permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Iktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li kien qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.