Ċiklist li twaqqa’ minn fuq ir-rota tiegħu wara li ntrass minn sewwieq ta’ karozza, minflok sab lill-istess xufier jassistieh spiċċa aggredit.
Il-każ seħħ iktar kmieni llum għall-ħabta tas-18:00, meta ċ-ċiklist kien qiegħed mad-dawra tar-roundabout ta’ quddiem l-iskola St. Dorothy’s f’Ħaż-Żebbuġ. Jirriżulta li malli waqa’ minn fuq ir-rota, is-sewwieq ħareġ għalih u attakkah bi brass knuckle (arma li tintlibes mal-ponn biex wieħed jattakka biha).
Dwar dan il-każ seħħ rapport lill-Pulizija, li qed tinvestiga, biċ-ċiklist li fuq il-midja soċjali jiddikjara li kien fortunat li ma sofriex ġrieħi gravi, grazzi għall-helmet li kien liebes.
Iċ-ċiklist għandu n-numru tar-reġistrazzjoni tas-sewwieq, iżda fuq il-midja soċjali qed jitlob għall-għajnuna ta’ xhieda li raw l-inċident. Mhux eskluż ukoll li l-inċident inqabad minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi.