Festi Knisja Kultura Lokali

Is-‘Sacro Cuore’ Nkurunata

Ritratt: Wayne Bonello
Mijiet joħonqu l-ewwel Santwarju f'tas-Sliema u l-madwar għall-okkażjoni unika

F’Santwarju maħnuq bin-nies, is-Sibt filgħaxija l-Arċisqof Charles Scicluna nkuruna solennament il-Vara Titulari tas-Sultana Tagħna tal-Qalb ta’ Ġesù f’tas-Sliema.

Wara l-omelija, sar korteo mill-artal maġġur lejn il-Vara f’nofs il-korsija fejn l-Isqfijiet George Bugeja OFM, Pawlu Darmanin u n-Nunzju Appostoliku, Alessandro d’Errico, waslu l-kuruni l-ġodda u l-Qalb ta’ Ġesù lejn it-tribuna.

Hekk kif l-Arċisqof temm iqiegħed il-kuruni fuq ras il-Bambin u l-Madonna, indaqqet fanfarra mill-gallarija tal-orgni u n-nies infexxet iċċapċap f’dan il-mument storiku filwaqt kantaw l-Innu Popolari ‘Viva Dejjem!’.

Kif intemmet il-funzjoni fil-Knisja, il-festeġjamenti ssuktaw fuq barra bid-daqq tal-marċi mill-Banda Sliema u l-logħob tan-nar tal-ajru.

Il-festi ċentinarji tal-Parroċċa tas-Sacro Cuore f’tas-Sliema jintemmu l-Ħadd filgħaxija b’Pellegrinaġġ devozzjonali bil-Vara Nkurunata.